Lokali
Il-kumpaniji mistennija jerġgħu jibdew jinvestu wara li t-tifdil żdied bi €300 miljun

Ir-rapport annwali tal-Bank Ċentrali qed ibassar li din is-sena l-ekonomija Maltija se tikber b’5% u t-tkabbir se jkun sostnut anki s-sena d-dieħla. F’analiżi ta’ iktar minn 150 paġna, l-ekonomisti qalu li s-sors ta’ dan it-tkabbir ġej minn kemm faddlu l-familji u l-kumpaniji f’dawn ix-xhur tal-pandemija, tant li d-depożiti fil-banek żdiedu b’mijiet ta’ miljuni ta’ ewro.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Edward Scicluna, qal li l-pandemija kkawżat xokk ekonomiku ferm ikbar mir-riċessjoni tal-2008 u sostna li d-daqqa setgħet kienet agħar kieku ma daħlux fis-seħħ diversi miżuri fiskali u monetarji.

Ir-rapport annwali tal-Bank Ċentrali wera li s-sena l-oħra, fix-xhur milqutin mill-pandemija, il-ġid nazzjonali naqas b’7% l-iktar minħabba tnaqqis fl-esportazzjoni. Mir-rapport joħroġ li d-domanda domestika wkoll irreġistrat tnaqqis minħabba l-livell bla preċedent ta’ sostenn fiskali li fost oħrajn evita tnaqqis iktar qawwi fil-konsum privat.

L-Ekonomista Ewlieni tal-Bank Ċentrali, Aaron Grech, qal li għalkemm se jkun hemm xi titjib, din is-sena d-defiċit fil-finanzi tal-Gvern se jibqa’ kemxejn għoli fosthom minħabba l-għajnuna finanzjarja marbuta mal-pandemija. Dr Grech spjega li d-dejn nazzjonali xorta se jibqa’ kkontrollat.

”Nantiċipaw li bejn minħabba r-rilaxx bil-mod il-mod tal-miżuri ekonomiċi u t-tnaqqis bil-mod il-mod tal-assistenza u ż-żieda fil-GDP li qegħdin nistennew, imbagħad jibda jkollna titjib ferm qawwi fejn jidħlu finanzi tal-Gvern is-sena li ġejja. Fin-naħa tad-dejn nazzjonali dan mistenni jibqa’ taħt is-60% anke s-sena li ġejja.”

L-ekonomisti tal-Bank Ċentrali qed ibassru li din is-sena l-ekonomija tikber b’5% u s-sena d-dieħla t-tkabbir ilaħħaq 5.5%. Dr Grech qal li din is-sena mistenni tiżdied id-domanda domestika anki għaliex waqt il-pandemija l-familji u l-kumpaniji faddlu iżjed.

Fl-istess ħin anki l-kumpaniji li s-sena li għaddiet kienu pposponew l-investimenti, din is-sena huma mistenni li jerġgħu jibdew jinvestu dan għaliex anki huma żiedu t-tifdil tant li d-depożiti mal-banek żdiedu b’iktar minn €300 miljun. Fl-istess ħin il-Gvern mistenni jkompli żid l-investiment kapitali tiegħu u dan se jwassal biex l-investiment b’mod globali se jiżdied bi kważi 18%.

Mistoqsi dwar is-settur turistiku, Dr Grech qal dan is-sajf it-turiżmu kapaċi jiżdied b’50% fuq is-sena li għaddiet iżda l-livelli li l-ammont ta’ turisti li ġew Malta fl-2019 mhux mistenni jintlaħaq qabel sentejn oħra.

Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Edward Scicluna, qal li l-pandemija kkawżat xokk ekonomiku ferm ikbar mir-riċessjoni tal-2008. Il-Professur Scicluna wera l-fehma iżda li d-daqqa setgħet kienet ferm agħar kieku ma ġewx introdotti diversi miżuri fiskali u monetarji.

”Konna ppreparati fis-sens li l-banek tant saħħaħniehom bil-kapital u r-requirments li kellna għalihom, li għall-inqas id-daqqa saret fuq is-settur tat-turiżmu u setturi oħrajn inqas minn hekk, imma fuq is-settur finanzjarju, għalkemm kien hemm dik li ngħidulha volatilità fis-swieq, imma mbagħad konna preparati u pattejna bil-kbir bil-likwidità b’ħafna miżuri li l-Bank Ċentrali Ewropew introduċa.”

B’ħarsa għall-ġejjieni, il-Bank Ċentrali se jkompli janalizza mill-qrib is-sitwazzjoni ekonomika filwaqt li jkompli jipparteċipa fid-diskussjonijiet dwar ir-reviżjoni tal-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew u jikkontribwixxi lejn stabilità finanzjarja.