Negozju
Il-kumpless Embassy se jagħlaq biex jinbidel fl-ikbar lukanda fil-Belt

Spazju ġdid għaċ-ċinema u l-ħwienet fl-Embassy

Il-kumpless Embassy fil-qalba tal-Belt se jagħlaq il-bibien tiegħu fi żmien 3 ġimgħat biex ikun jista’ jsir proġett biex jinbidel f’lukanda.  Fi stqarrija ntqal li x-xogħlijiet se jibdew mis-7 ta’ Jannar tas-sena d-dieħla u se tinżamm l-istess struttura biex minflok issir lukanda ta’ erba’ stilel b’81 kamra mifruxa fuq 6 sulari.

Huwa ppjanat li l-Embassy Valletta Hotel ikollha bitħa interna, pixxina u spazju għall-kollazzjon fuq il-bejt.  Il-bini se jżomm l-istess struttura ta’ barra, l-istess għoli, kif ukoll l-istess disinn tal-faċċata apparti miż-żieda ta’ numru ta’ twieqi. Id-daħla għal-lukanda se tkun minn Triq id-Dejqa.

Kif se tkun imqassma l-binja?

Se jkun hemm spazju għal xi ħwienet minn entraturi separati fil-livell tat-triq, filwaqt li se ssir sala ġdida tal-Bingo fil-livell t’isfel.  Se jinbnew ċinemas ġodda li minn fuq se jinżlu għal taħt il-livell tat-triq, bil-kumpanija tgħid li fl-2018 kienet l-aqwa sena fl-aħħar diċennju.  Skont id-diriġenti tal-proġett ix-xogħlijiet se jitlestew is-sena d-dieħla stess u huwa previst li dan ser ikun wieħed mill-akbar investimenti mis-settur privat fil-Belt fl-aħħar snin.

Fl-istqarrija, id-direttriċi maniġerjali tal-Embassy Bettina Azzopardi ġiet ikkwotata tgħid li l-kumpanija ddeċidiet li toħloq post modern hekk kif qed tiżdied it-talba għal aktar kmamar ta’ akkomodazzjoni fil-Belt u għal spazju kummerċjali.   Żiedet tgħid li l-proġett se jkun qed joffri wkoll opportunitajiet ġodda ta’ xogħol fis-settur turistiku u tad-divertiment.

L-istorja tal-Embassy

Il-binja tal-Embassy li ghandha madwar 850 metru kwadru kienet diġa tintuża bħala lukanda fis-seklu dsatax sakemm parti minnha kienet iġġarfet f’bombardament mill-ajru waqt it-tieni gwerra dinjija. Fis-snin ħamsin il-post kien inbena sabiex iservi bħala swali taċ-cinemas sakemm fl-1999 inbena l-kumpless tax-xiri u ċinema preżenti.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Malti ta’ 19-il sena li kien jinsab miżmum arrestat ġewwa l-Lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, ipprova jweġġa’ lilu nnifsu. Il-każ seħħ illum fis-7pm.  Intervent immedjat tal-Pulizija waqqaf din l-azzjoni u r-raġel…

Lokali

San Ġiljan sebaħ nadif pupilla wara lejl ta’ divertiment f’Jum San Patrizju. Il-ħaddiema tat-tindif xkupaw 15-il tunnellata ta’ skart f’ħames sigħat. Ma’ sbieħ it-Tnejn filgħodu, il-Pjazza ta’ Spinola u toroq tal-madwar…

Kronaka

Lejn is-snin sittin tas-seklu sbatax, il-Berġa tal-Italja kienet imżejna b’dak li jissejjaħ la scala grande, it-taraġ il-kbir. Bl-interventi strutturali li sar fil-berġa tul is-snin il-preġju tat-taraġ intilef meta fost oħrajn…

Kultura

Aktar minn 500 mudell, xogħol membri ta’ waħda mill-għaqdiet lokali tal-mudelli, qed ikunu esebiti fil-Mużew Marittimu fil-Birgu. Il-wirja se tkun miftuħa għall-aħħar ġunrata, għada, jum ta’ btala pubblika. Mijiet ta’…

Aktar