Lokali
Il-Kunċizzjoni prova għall-festi fis-sajf tas-sena d-dieħla?

L-Għaqda Każini tal-Banda qed tħares lejn il-festa tal-Kunċizzjoni, iċċelebrata f’Bormla fit-8 ta’ Diċembru li ġej, bħala prova biex mis-sajf tas-sena d-dieħla jerġgħu jibdew jiġu organizzati l-festi, waqt li titħares is-saħħa tal-poplu. Għall-president tal-għaqda, Noel Camilleri, sena oħra mingħajr festi taf tfisser l-għeluq ta’ xi każini tal-banda.

Grupp ta’ ħidma fi ħdan l-Għaqda Każini tal-Banda qed jaħdem biex mal-awtoritajiet tas-saħħa u tal-Knisja jitfassal pjan konkret dwar kif mis-sena d-dieħla jistgħu jiġu ċċelebrati l-festi. Il-President tal-Għaqda Każini tal-Banda, Noel Camilleri, qal li dan irid isir mingħajr ma jitnaqqas il-ħarsien ta’ saħħet il-poplu. Wara sentejn mingħajr festi esterni, Dr Camilleri qal li sena oħra mingħajr festi jaf ikollha effetti ħżiena ħafna speċjalment fuq xi każini, apparti t-telf ta’ parti importanti mill-kultura Maltija. Fil-fehma tal-president tal-għaqda iżda, il-pjan m’għandux jistenna sas-sena d-dieħla imma jitwettaq bi prova fi żmien xahrejn u nofs oħra.

“Issa bdew isiru events u naħseb hemm bżonn li bħala awtoritajiet, u aħna bħala Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, l-awtoritajiet għandhom ipoġġu bilqiegħda flimkien magħna ħalli naħsbu fuq pjan u nippruvaw li fil-festa tant sabiħa għall-Maltin u l-Għawdxin kollha, il-festa tal-Kunċizzjoni, wieħed jibda jipprepara u tkun qisha t-test case tal-festi għas-sajf li ġej għax aħna nħossu li jekk il-festi ma jsirux mis-sena 2022, hemm ċerti każini li se jbatu u jista’ jkun li t-tbatija tagħhom tkun tfisser ukoll anke għeluq.”

L-Għaqda Każini tal-Banda wriet sodisfazzjon għall-aħbar li l-Gvern laqa’ proposta li saret żmien ilu mill-għaqda biex jidħol f’negozjati u jixtri każini tal-banda li huma proprjeta’ privata. Dr Camilleri qal li hemm 27 każin tal-banda f’kera tal-Gvern, tal-privat jew tal-Knisja; b’bejn ħamsa u għaxra minnhom qed jiffaċċjaw kawżi biex jiġu żgumbrati. Mistoqsi x’valur għandhom dawn il-proprjetajiet, Dr Camilleri qal li mhux prudenti li f’dan l-istadju jgħid kemm hi l-istima tal-valur tal-każini.

Mistoqsi kemm hi ġusta din l-iskema ma’ soċjetajiet li b’sagrifiċċji kbar xtraw il-propjetajiet tal-każini tagħhom, Dr Camilleri qal li għal dawn se titressaq proposta lill-Gvern.

“Se nipproponu lill-Gvern biex jiġi ikkreat fond nazzjonali biex is-soċjetajiet kollha tal-baned jiġu mgħejjuna b’mod ekwu u b’mod sostenibbli għaliex aħna nħossu li s-soċjetajiet tal-banda għad għandhom importanza mhux biss mill-aspett edukattiv, soċjali imma anke mill-aspett komunitarju.”

Dwar każini li s-sidien ma jkunux iridu jbigħu l-proprjetà, Dr Camilleri qal li hemm każini li s-sidien huma numerużi u għalhekk il-Gvern jista’ jipprova jixtri sehem minnhom biex imbagħad jibda proċess ġudizzjarju u l-propjetà tinbiegħ b’subbasta. Hemmhekk il-Gvern jagħmel offerta u jixtriha hu bl-għan li mbagħad tinkera mis-soċjetà.