Barranin
Il-Kungress Amerikan jiċċertifika lil Joe Biden bħala l-President tal-Istati Uniti li jmiss

Il-Kungress Amerikan iċċertifika lil Joe Biden u lil Kamala Harris bħala l-President u l-Viċi President tal-Istati Uniti li jmiss. Il-voti elettorali kienu approvati wara li kemm is-Senat kif ukoll il-Kamra tar-Rapreżentanti ma laqgħux l-oġġezzjonijiet għall-voti fl-istati ta’ Pennsylvania u Arizona.

Is-sessjoni ta’ proċedura fil-Kungress hija waħda li normali li ssir, iżda lbieraħ din kienet imfixxkla meta partitarji tal-President Donald Trump daħlu fil-bini fejn jitlaqqa’ l-Kungress u l-leġislattiv tal-Gvern Federali Amerikan, magħruf bħala l-Capitol f’Washington DC. Is-sessjoni kompliet matul il-lejl, wara li nħarġu ‘l barra mill-bini l-partirarji.

Ftit tal-ħin ilu, il-President Trump ħareġ stqarrija li fiha huwa wiegħed transizzjoni ordnata fl-20 ta’ Jannar iżda tenna l-akkużi mhux sostanzjati ta’ frodi elettorali. Ilbieraħ, partitarji armati tal-President Trump daħlu fil-Capitol u waqqfu s-sessjoni li kienet għaddejja u għamlu ħerba fil-bini.

Tnejn u ħamsin persuna kienu arrestati wara li uffiċjali tas-sigurtà kkonfrontaw u interjenew biex iwaqqfu id-dimostranti li aktar qabel, mat-30,000 partitarju ta’ Trump nġemgħu għall-rally li kienet indirizzata minn Trump.

Huma baqgħu sejrin lejn il-bini tal-Capitol fejn infexxew f’attakki vandali li wasslu biex il-membri tal-kungress Amerikan kellhom ikunu evakwati mill-bini lejn post sigur. Kważi id-dimostranti kollha ma libsux maskri u l-ħwienet tal-madwar għamlu barrikati minħabba l-biża’ ta’ iżjed vjolenza.

Is-sindku ta’ Washington Muriel Bowser qalet f’konferenza tal-aħbarijiet li mara li kienet parti mill-grupp ta’ partitarji mietet wara tiri sparati minn uffiċjal tal-Pulizija filwaqt li tliet persuni oħra, mara oħra u żewġt irġiel tilfu ħajjithom minħabba emerġenzi mediċi. Fl-istess waqt intqal li 14-il membru tal-Pulizija qed isofri minn ġrieħi riżultat tal-ġlied li nqala.

Sigħat wara il-Kamra tar-Rappreżentati kompliet bis-seduta. L-Ispeaker Nancy Pelosi li wkoll sofriet attakki vandali fl-uffiċju personali tagħha wara li d-dimostranti daħlu bil-forza ddeskriviet l-episodju bħala attakk fuq it-tempju tad-demokrazija Amerikana.