Unjoni Ewropea
AĠĠORNAT (2): Il-PM Robert Abela fi Brussell għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew

Fi Brussell bħalissa qed jitlaqqa’ l-Kunsill Ewropew, f’jumejn li fihom il-mexxejja Ewropej inkluż il-Prim Ministru Robert Abela, qed jiddiskutu bosta kwistjonijiet li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea.

Fuq il-mejda tad-diskussjoni l-prezzijiet tal-enerġija, il-kwistjoni tas-saltna tad-dritt tal-Polonja u l-Covid-19.

Mal-mexxejja Ewropej illejla dan aktarx li se jkun l-aħħar impenn fi Brussell għall-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel li se ttemm 16-il sena fit-tmun ta’ wieħed mill-iktar pajjiżi influwenti fl-Unjoni Ewropea.

Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u s-sitwazzjoni tal-Covid-19 huma fost it-temi li qed jiġu diskussi llum waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, li għaliha attendew il-mexxejja tas-27 stat membru, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela.

F’kummenti li ta lill-midja qabel il-laqgħa, il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel qal li dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, huwa importanti għall-mexxejja li jippreparaw u jikkordinaw biex jaraw x’miżuri jistgħu jieħdu fuq livell nazzjonali, iżda mhux biss.

“On the other hand we would li like to identify what other topics and measures that we can try to develop at a European level. We would like a close contact with the European Commission, and based on the communication that was put on the table by the Commission.”

Dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19, Michel qal li l-kunsill irid li jibqa’ viġilanti u qed josserva l-progress li sar. Sostna li sar ħafna progress permezz tat-tilqim, iżda għad baqa’ xi jsir, speċjalment fejn jidħol ix-xettiċiżmu dwar it-tilqima.

Il-kwistjoni tal-Polonja wkoll tinsab fuq l-aġenda għal-laqgħa tal-lum, bil-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von der Leyen tgħid li l-kwistjoni ewlenija hija l-indipendenza tal-ġudikatura fil-Polonja.

“This is not new, this is an ongoing process, but with the recent ruling of the constitutional court, this has taken a new dimension. So I’m looking forward to the discussion with the leaders… we all have to take responsibility when it comes to protecting our fudamental values.”

Intant, iktar tard illejla waqt iċ-ċena, il-mexxejja Ewropej se jiddiskutu wkoll dwar il-kummerċ u l-preparazzjonijiet għas-summits li jmiss.

Il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew se tkompli għada, fejn se jkunu diskussi l-migrazzjoni u t-tranżizzjoni diġitali tal-Ewropa; żewġ temi li t-tnejn huma ta’ prijorità għal Malta.