Kunsilli Lokali
AĠĠORNAT: Il-Kunsill jopponi t-twaqqigħ tal-eqdem binja fil-Fgura, appoġġ mid-Deputat PM

Il-Kunsill Lokali tal-Fgura ħabbar li qed jieħu pariri legali biex ikompli jopponi t-twaqqigħ ta’ razzett antik, li x’aktarx huwa l-eqdem binja f’din il-lokalità, bid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Kunsill.

Dan wara li jumejn ilu t-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar ikkonferma permess maħruġ mill-Awtorità tal-Ippjanar biex ir-razzett ikun jista’ jitwaqqa’.

Ir-razzett kien proprjetà tal-familja Ficura, li minnha huwa maħsub li l-Fgura ħa ismu, u tmur lura għal żmienijiet medjevali.

F’konferenza stampa dalgħodu, is-Sindku Pierre Dalli tenna l-impenn tal-kunsill biex ikun salvat l-aħħar razzett antik fil-Fgura, fl-aqwa interess tar-residenti u l-ġenerazzjonijiet futuri.

Fakkar kif il-Kunsill ilu jipproteġi dan ir-razzett mill-iżvilupp għal dawn l-aħħar 25 sena, fejn fl-1995 dan ġie skedat bi protezzjoni ta’ Grad 3, sakemm dan l-iskedar tneħħa s-sena li għaddiet. Qal li tul iż-żmien kien hemm diversi manuvri biex il-binja titwaqqa’, tant li saru tliet applikazzjonijiet.

Waqt il-konferenza stampa tkellmet ukoll Astrid Vella mill-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar, fejn sejħet għall-intervent tal-awtoritajiet biex ikun salvagwardjat dan il-post li għandu legat u storja importanti fl-oriġini tal-Fgura.

Iktar tard mal-jum, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne esprima l-appoġġ għad-deċiżjoni tal-kunsill u ddikjara li jaqbel magħha.