Lokali
Il-Kunsill Lokali tal-Furjana jikkonsidra li jsir monument u tissemma’ triq għal Oliver Friggieri

Ftit qabel il-Quddiesa tal-funeral tal-Professur Oliver Friggieri, il-korteo funebri għadda mill-Furjana fejn Friggieri twieled u għex l-ewwel snin ta’ ħajtu.

Il-Furjana baqgħet f’qalb Profs Friggieri tant, li minkejja li ma baqax jgħix hemm wara li żżewweġ, il-Furjana baqgħet parti ċentrali minnu.

Fil-Furjana jilqgħu lil Profs Friggieri kien hemm is-Sindku tal-Furjana, l-Arċipriet u l-President tas-Soċjetà Filarmonika Vilhena.

Ma’ TVM, is-Sindku Davinia Sammut Hili qalet li bħala Kunsill Lokali jħoss li għandu jonora l-legat ta’ Oliver Friggieri. Spjegat li l-ħsieb huwa li tissemma’ triq għal Profs Friggieri fl-inħawi ta’ Balzunetta kif ukoll li ssir diskussjoni mal-Gvern biex isir monument ta’ Friggieri fil-Furjana.

Il-korteo għamel l-aħħar vjaġġ tiegħu lejn il-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta fejn se ssir quddiesa mill-Arċisqof Charles Scicluna.