Lokali
Il-Kunsill Lokali tal-Imġarr imħasseb dwar l-approvazzjoni għall-iżvilupp ta’ blokka bini

Fi stqarrija, il-Kunsill Lokali tal-Imġarr qal li b’dispjaċir innota l-approvazzjoni tat-talba għall-iżvilupp bir-referenza PA 06041/16; liema żvilupp ser ikun qed jibdel binja antika fil-qalba tar-raħal tal-Imġarr fi’ blokka ta’ 5 maisonettes, 18 -il appartament u 5 penthouses.

Il-Kunsill Lokali esprima t-tħassib tiegħu għal serje ta’ impatti li dan il-bini ser ikollu fuq ir-raħal tal-Imġarr, fuq it-traffiku fil-lokalità, fuq l-aspett arkitettoniku, kif ukoll dwar telf kulturali u ta’ identità ta’ dan ir-raħal.

Il-Kunsill qal li jinsab imħasseb jekk il-punti mqajjma minnu stess f’ittra datata t-2 ta’ Novembru 2016 indirizzata liċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar ġewx ikkunsidrati, fosthom li l-binjiet eżistenti jiġu studjati qabel kull intervent kif ukoll li kull intervent isir taħt is-supervizjoni ta’ professjonisti fl-oqsma imsemmija. Dan peress li kif imniżżel fl-istess ittra, il-binja in kwistjoni hija waħda mill-eqdem binjiet fl-Imġarr bil-possibilità li fil-qrib tagħha hemm xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-Kunsill qal li jemmen li s-soċjetà għandha l-obligu tippreserva dak li ġie imħalli lilha mill-ġenerazzjonijiet passati u tipprovdi futur għall-uliedha.

Il-Kunsill Lokali tal-Imġarr qed jerġa’ jappella lill-awtoritajiet ikkonċernati sabiex jirrikunsidraw din il-proposta għall-iżvilupp u jieħdu il-prekawzjonijiet kollha dovut u possibbli sabiex jiġi imħares il-wirt storiku, kulturali u soċjali tal-Imġarr u tar-residenti tiegħu.