Ippjanar u bini
Il-Kunsill ta’ Birżebbuġa joġġezzjona għal lukanda ta’ 9 sulari

Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa oġġezzjona għall-applikazzjoni li jiżdiedu iktar sulari mas-sebgħa li diġà ġew approvati għal dik li kienet il-lukanda Seabreeze.

Permezz ta’ regolamenti ġodda li ddaħħlu fl-2013, lukandi f’żoni turistiċi, fosthom f’Birżebbuġa, setgħu jibdew japplikaw għal żewġ sulari iktar minn dak permessibbli fil-pjan lokali.

Il-pjan lokali jipprovdi għal għoli ta’ ħames sulari, u għalhekk is-sena l-oħra l-lukanda ngħatat permess għal seba’ sulari.

Iżda waqt li bħalissa din il-lukanda qed titwaqqa’, is-sidien applikaw biex ikunu jistgħu jibnu żewġ sulari oħra, biex b’hekk il-lukanda titla’ għal 9 sulari.

Il-Kunsill sostna li din l-applikazzjoni għandha tkun irrifjutata, u rrimarka kif anki fuq l-applikazzjoni oriġinali, id-Direttorat tal-Ippjanar kien irrakkomanda li ma tiġix approvata. Qal li ż-żieda ta’ żewġ sulari oħra fuq dak li diġà ma kienx aċċettabbli se tagħmel is-sitwazzjoni agħar.

Il-Kunsill żied li dan l-għoli se jkollu impatt viżiv minħabba li l-proposta tistona mal-bini ta’ madwarha, kif ukoll minħabba d-dellijiet li tiġġenera ser toħloq diffikultajiet lir-residenti fil-madwar li investew f’mezzi li jiġġeneraw l-enerġija mix-xemx.

Żiedet li l-proposta ser toħloq diffikultajiet fil-parkeġġ fl-inħawi, għax il-lukanda kif approvata sal-lum lanqas tipprovdi għall-parkeġġ fil-binja, u għalhekk irid ikun il-pubbliku li jagħmel tajjeb għall-parkeġġ fit-toroq li hu diġà limitat.

TVM infurmat li parkeġġ taħt l-art f’din iż-żona mhuwiex fattibbli minħabba l-ilma li jinsab eżatt taħt il-livell tat-triq.

Minbarra l-kunsill lokali, għal din l-applikazzjoni oġġezzjonaw għaqdiet oħra, fosthom il-Moviment Graffitti u l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa, b’din tal-aħħar tgħid li l-binja tinsab eżatt biswit Żona ta’ Konservazzjoni Urbana fi Triq iż-Żibra, u li lukanda b’dan l-għoli se tkun qed ittellef il-karatteristika tal-bajja.