Toroq
Aġġornat: il-Kunsill ta’ Ħad-Dingli unanimu favur bini ta’ triq ġdida

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli ddikjara b’mod unanimu li huwa favur il-bini ta’ triq ġdida li tgħaqqad id-Daħla tas-Sienja, Triq San Ġwann Bosco u sqaq il-MUSEUM f’Ħad-Dingli.

Dan intqal f’laqgħa urġenti tal-Kunsill wara l-kontroversja li nqalgħet dwar il-bini ta’ din it-triq li ġiet skedata fil-pjan lokali fl-2006, bil-Kunsill Lokali ta’ dak iż-żmien kien favur l-iżvilupp ta’ bypass.

Qal ukoll li l-art li se tittieħed illum hija 90% inqas minn dak li kien propost għall-iżvilupp ta’ bypass.

Il-Kunsill qal li se jara li l-wirt storiku taż-żona jinżamm u li jibqa’ jkun imħares, bl-ambjent tal-madwar ukoll jitħares u li jsirlu l-inqas ħsara possibbli.

Il-kunsill qal li huwa l-vuċi tar-residenti kollha u għalhekk ma jistax ma jagħtix kas tar-residenti fuq ġewwa ta’ Sqaq il-Museum li għandhom diffikultajiet kbar ta’ aċċess fis-sitwazzjoni kif inhi llum.

Qal li dawn ir-residenti tkellmu mal-Kunsill Lokali biex jitjieb l-aċċess inaċċettabbli li għandhom illum u għalhekk jaqblu li jinfetħu dawn it-toroq kif skemati u approvati fl-2006 u għalhekk inħoss li t-talba tagħhom hija waħda leġittima li għandha tkun ikkunsidrata għa għandha bażi legali.

Madankollu l-Moviment Graffiti li għadu fuq il-post qal li ħaddiema deħlin minn sqaq differenti biex ikomplu jibnu triq li skonthom hija bla permess. Il-Moviment qal li Infrastructure Malta qed jipprova jibni triq f’ODZ, fuq raba’ maħdum u li din se teqred ukoll siġar tal-ħarrub li għandhom ‘il fuq minn 300 sena filwaqt li tipperikola knisja medjevali.

Min-naħa l-oħra, Infrastructure Malta spjegat li x-xogħlijiet għall-bini ta’ triq ġdida ilha skedata snin twal. Fakkret li l-ġimgħa li għaddiet it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar irrifjuta l-appell li sar minn organizzazzjoni lokali kontra l-permess maħruġ mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi għat-tneħħija ta’ tliet siġriet li hemm fis-sit tat-triq il-ġdida.