Ippjanar u bini
Il-Kunsill tal-Fgura joġġezzjona għal triq ġdida fi ġnien privat

Il-Kunsill Lokali tal-Fgura qed joġġezzjona mal-Awtorità tal-Ippjanar għal applikazzjoni biex tinfetaħ triq ġdida fi ġnien privat.

Fi stqarrija l-kunsill qal li l-applikazzjoni għal triq ġdida fi Triq l-Isponsun saret minn kuntrattur privat, u qal li jekk din tiġi approvata jkun ifisser li eventwalment tiżdied massa oħra ta’ bini f’żona fejn illum huwa spazju miftuħ privat.

Il-Kunsill Lokali tal-Fgura sostna li f’dokument ippubblikat mill-Heritage Planning Unit hemm indikat li din iż-żona hija waħda arkeoloġikament sensittiva, u fakkar li ftit metri ‘l bogħod minn fejn huwa propost dan l-iżvilupp kienu nstabu oqbra puniċi.

Żied li minn riċerka li saret instab li l-bini, kif ukoll din iż-żona miftuħa, kienu mmarkati fi pjanti li jmorru lura għas-seklu dsatax.

Il-Kunsill Lokali qal li huwa ferm kif is-Sovratendenza tal-Wirt Kulturali qed tgħid li din iż-żona m’għandha ebda valur u fl-istess ħin qed tammetti li lanqas żaret il-post.

Il-Kunsill Lokali qal li kiteb ukoll formalment lill-Ministru responsabbli mill-Ambjent biex din iż-żona tiġi ddikjarata Green Enclaved Area, peress li f’dik l-akwata kollha, l-ispazji miftuħin huma limitati ferm.

Il-Kunsill Lokali appella lill-awtoritajiet biex ikunu sensittivi għall-bżonnijiet tal-komunità tal-Fgura u ma jkomplux jgħabbu lil-lokal b’piżijiet ta’ traffiku, filwaqt li jipproteġu l-istorja tal-Fgura.