Lokali
Il-Kunsill tal-Gżira jagħlaq il-bibien bi protesta wara li kien mhedded wieħed mill-kunsilliera

Il-Kunsill tal-Gżira għalaq il-bibien tiegħu b’sinjal ta’ protesta wara li wieħed mill-Kunsilliera tiegħu Jeremy Cardona kien mhedded minn kuntrattur li allegatament saq għal fuqu waqt li kien mixi fi The Strand il-Gżira. Il-Kunsillier ma ntlaqatx. Il-każ seħħ nhar l-Erbgħa u sar rapport lill-Pulizija.

Is-Sindku tal-Gżira Konrad Borg Manche qal li l-Kunsill iddiskuta u kkundanna dan l-inċident. Qal li dan huwa frott tal-egoiżmu u traskuraġni mis-settur tal-kostruzzjoni u minn ċerti kuntratturi li qed ikunu ta’ inkonvenjent enormi għar-residenti. Għaldaqstant, il-Kunsill iddeċieda li sa nhar it-Tlieta jagħlaq il-bibien tiegħu b’sinjal ta’ protest waqt li ħabbar li ser jorganizza protesta mir-residenti.

Dwar dal-każ ikkummentat l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi li qalet li mill-istħarriġ tagħha, jirriżultalha li l-inċident m’huwiex marbut ma’ xi żvilupp partikulari li għaddej fil-Gżira, iżda skont l-MDA, l-inċident huwa riżultat ta’ kwistjoni personali bejn il-Kunsillier u dak li ġie diskritt bħala kuntrattur mill-Kunsill Lokali. L-Assoċjazzjoni qalet li minkejja dan jekk il-każ jiġi ppruvat lesta tieħu passi dixxiplinarji kontra l-kuntrattur li huwa membru tagħha.