Ambjent
Il-Kunsill tan-Naxxar jgħid li ma ġiex ikkonsultat fuq il-bini ta’ sit tal-karavans

Il-Kunsill Lokali Naxxar qal li ma ġiex ikkonsultat fuq il-pjan li jinbeda sit temporanju għall-karavans viċin Baħar iċ-Ċagħaq.

Fi stqarrija l-Kunsill qal li sar jaf minn sezzjoni tal-midja li Infrastructure Malta, fuq għażla tal-Ministeru tal-Ambjent, se tibni ‘caravan site’ temporanja fi Triq il-Kosta.

Il-Kunsill qal li ilu żmien jitlob l-assistenza tal-Gvern Ċentrali biex ikun hemm aktar kontroll fuq l-ammont esaġerat ta’ caravans li qal tpoġġew matul il-kosta. Sostna li dawn m’għandhom l-ebda faċilità sanitarja u saru rapporti li allegatament qed jitwaddab id-drenaġġ fil-baħar.

Il-Kunsill qal li mhux kontra li jkun hemm siti għall-caravans ikkontrollati iżda hemm bosta kwistjonijiet dwar l-operat ta’ dan is-sit u l-impatt tiegħu li għandhom ikunu kkunsidrati.

Iktar kmieni llum is-sit MaltaToday irrapporta li żona fl-Armier u oħra f’Baħar iċ-Ċagħaq ġew magħżula bħala siti temporanji għall-karavans.