Qorti
Il-kunsill u TM mhux responsabbli għal bankina li sfrondat fil-Gżira

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat li l-Kunsill Lokali u Transport Malta ma kellhomx jinżammu responsabbli għal bankina li ċediet fil-Gżira waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq sit privat.

Christopher Mifsud fetaħ kawża biex jingħata kumpens mill-kunsill u TM wara li daħal fi spejjeż żejda meta fit-30 ta’ Mejju 2013 sfrondat il-bankina waqt li kien qed iħaffer biex jibni dar fi Triq Antonio Sammut.

Dan jidher li seħħ minħabba li t-triq kellha pedament dgħajjef, u kaġun t’hekk Mifsud kellu jibni ħajt u jerġa’ jirranġa l-bankina, bi spiża ta’ kważi €7,500.

Iżda l-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Anthony Ellul, qalet li ma kienx hemm provi li t-triq kienet inbniet mill-kunsill jew minn TM, u kollox kien jindika li t-triq infetħet mill-privat fuq art privata meta beda jitla’ l-bini f’din l-akwata.

Il-Qorti qalet li ma kienx hemm lanqas prova li t-triq illum hija proprjetà tal-gvern, u li l-fatt li hija miftuħa għall-pubbliku u hemm is-servizzi mgħoddija minnha mhix prova biżżejjed. L-appell ta’ Mifsud għalhekk ġie miċħud.