NGOs
Il-Kuntistabbli Schembri jkabbar il-fond biex jgħin il-ħaddiema tal-emerġenza

Il-fond intenzjonat li jgħin lill-ħaddiema tal-emerġenza li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom kompla jikber b’donazzjoni mill-Protezzjoni Ċivili.

Il-fond twaqqaf mill-Kuntistabbli Simon Schembri u l-Ispettur Herman Mula permezz ta’ donazzjonijiet li Schembri rċieva waqt li kien rikoverat.

Wara li l-Gvern ħabbar li se jkun qed iħallas għall-ispejjeż kollha għall-kura ta’ Schembri, id-donazzjonijiet li laħqu waslu tpoġġew f’dan il-fond apposta li se jkun amministrat mill-Blue Light Foundation, li wkoll twaqqfet minn Schembri għal dan il-għan.

Minn dan il-fond se jkunu jistgħu jibbenefikaw dawk il-membri tal-korpi tal-emerġenza fosthom il-paramediċi, il-pulizija u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li waqt il-qadi ta’ dmirijiethom isofru xi inċident.

Id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila, ta €1,060 għal din il-fondazzjoni, li nġabru mill-ħaddiema tal-Dipartiment kif ukoll waqt attività soċjali mtellgħa mill-istess dipartiment fejn kien hemm preżenti l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia.

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili faħħar l-inizjattiva tal-fondazzjoni u wiegħed l-għajnuna kollha tad-Dipartiment. Iktar minn hekk innomina lil ARO Jonathan Callus bħala r-rappreżentant tiegħu fi ħdanha.

Matul din il-preżentazzjoni il-Kuntistabbli Schembri ppreżenta wkoll ittra ta’ apprezzament lid-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili bħala ringrazzjament għall-intervent immedjat minn ARO Luca Crisafulli dakinhar tal-inċident, li kien kruċjali biex tiġi salvata ħajtu.

Aħbarijiet Oħra
Cryptocurrency

Malta għandha tliet liġijiet li jirregolaw l-industrija l-ġdida relatata mal-block chain u l-muniti diġitali. Esperti f’dal-qasam jemmnu li s-setturi se jkunu l-mod kif isir in-negozju fil-futur. Mark Bugeja hu espert…

Temp

Tliet snin oħra jaħbat għeluq il-mitt sena mill-ftuħ tal-ewwel uffiċċju għat-tbassir tat-temp f’Malta. Fil-jum dinji tal-metereoloġija, iċċelebrat bħal-lum, it-23 ta’ Marzu, jitfakkar it-twaqqif tal-organizzazzjoni dinjija tal-meteoroloġija fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda…

Sport

Illejla fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, f’logħba li ntemmet għall-ħabta tat-8.00pm, Malta rebħet lill-Gżejjer Faroe 2-1. Goals skurjati minn Kyrian Nwoko u penalty ta’ Steve Borg – wieħed f’kull taqsima. Il-Gżejjer…

Kultura

Il-Proġett “Żunżana” jikkonsisti f’sensiela ta’ ħames kunċerti li se jittellgħu b’kollaborazzjoni bejn Aġenzija Żgħażagħ u l-Għaqda Każini tal-Banda minn grupp ta’ bandisti żgħażagħ li bdew idoqqu fl-aħħar ħames snin. Il-baned…

Aktar