Lokali
Il-Kuntistabbli Schembri tneħħa minn fuq il-magni – l-elmu salvalu ħajtu

Rapport fl-aħħar ħinijiet mill-isptar Mater Dei, jgħidu li l-Kuntistabbli Simon Schembri qed jirreaġixxi tajjeb għall-kura u anke tneħħa minn fuq il-magni. Huwa għadu fit-taqsima tal-kura intensiva f’qagħda stabbli wara li ġie operat għal ġrieħi gravi li sofra b’mod partikulari f’idu. Sorsi li tkellmu ma’ TVM qalu li l-elmu salvalu ħajtu. Sadanittant, il-każ tiegħu waqt li xxukja lill-pajjiż kollu, it-trawmatizza lill-korp tal-Pulizija speċjalment lill-kollegi tiegħu fis-sezzjoni tat-traffiku.

L-għada tal-inċident li fih il-Kuntistabbli Simon Schembri spiċċa mkaxkar għal diversi metri taħt karozza misjuqa miż-żagħżugħ Liam Debono, l-atmosfera fis-sezzjoni tal-pulizija tat-traffiku kienet waħda ta’ dieqa kbira. L-Ispettur Pierguido Saliba, li jmexxi din it-taqsima, ma’ TVM qal li ma kienx faċli li fl-ewwel sigħat wara dan l-inċident, il-membri ta’ din it-taqsima jaħdmu b’mod normali. Qal li minkejja dan, il-Pulizija, mhux biss tiegħu, iżda wkol tal-korp kollu, se jibqgħu leali lejn il-ġurament li ħadu.

Spettur tat-Taqsima tat-Traffiku, Pierguido Saliba qal li “aħna minbarra li pulizija aħna umani, allura kulħadd iħossha, kollha familja waħda, għalina qisu ħuna, ippruvaw joqtlu lil wieħed minn ħuna. Imma issa fl-aħħar mill-aħħar aħna għandna x-xogħol x’nagħmlu u ħadna ġurament għas-soċjetà li nipproteġuha u dmirna ġejna għax-xogħol.”

L-Ispettur Saliba appella lis-sewwieqa biex ikollhom aktar rispett lejn il-Pulizija, li dak li qed jagħmlu huwa biss xogħolhom.

L-Ispettur qal li “jista’ jkun li bniedem jiżbalja u ma jkun ġara xejn u aħna bħala pulizija apparti li nipproteġu parti minn xogħolna huwa li ninfurzaw il-liġijiet”.

L-Ispettur Edward Zammit, li jmexxi l-Counselling Unit tal-Korp, qal lil TVM li l-unit, flimkien mal-Kappillan tal-Korp, kif ukoll l-Victim Support Unit tal-Korp tal-Pulizija, sa mill-ewwel mumenti ta’ wara l-każ, tkellmu mal-pulizija tat-taqsima tat-traffiku sabiex jingħataw l-għajnuna kollha li hemm bżonn.

L-Ispettur Zammit qal li “ħafna mid-drabi l-pulizija kemm bl-esperjenza tagħhom u bit-taħriġ li jingħataw ikunu kapaċi u jegħlbu l-isfidi minħabba emozzjonijiet tqal li jista’ jkollhom. Imma jiġu drabi oħra, fejn stress ikun tant qawwi, li hemm jidħol is-servizz professjonali li wieħed javviċina għal aktar għajnuna biex jgħelbu dawk il-mumenti diffiċli”.

Iż-żewġ assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-pulizija qalu li s-Sibt illi ġej se jorganizzaw mixja ta’ solidarjetà.

F’messaġġ fuq il-profil tagħha ta’ facebook Leah Schembri, bint il-kuntistabbli ferut irringrazzjat lil kulħadd għas-solidarjetà li wrew mal-familja waqt li talbet biex issir ġustizzja. Qalet li missierha ilu fis-servizz 22 sena, u salva ħajjiet u ħareġ qalbu għax-xogħol biex jgħin lil min ġie fil-bżonn.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Żona li fiha daqs seba’ grawnds tal-futbol, li minn wied naturali nbidlet f’miżbla, qed tingħata wiċċ ġdid biex minflok tibqa’ ġerħa fin-naħa t’isfel ta’ Malta, issir attrazzjoni. Sa wieħed u…

Kultura

Infrastructure Malta appik li tibda operazzjoni delikata, biex taqla’ sħiħ mill-blat qabar tal-perjodu Puniku-Ruman, u tpoġġih fil-ġenb ta’ triq ġdida li qed tibni f’Ħ’Attard. B’hekk din is-sejba ta’ valur arkeoloġiku,…

Immigrazzjoni

TVM jinsab infurmat li matul il-lejl li għadda, grupp ta’ madwar 90 immigrant li ġew salvati fil-Mediterran fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta ttieħdu fuq vapur tal-Captain Morgan li…

COVID-19

Il-pandemija u r-reħi tar-restrizzjonijiet ġabu magħhom l-użu tal-maskra. Filwaqt li ħafna qed jużawha kif obbligati jagħmlu f’ħafna postijiet pubbliċi, osservajna li bosta qed jilbsu biex taparsi libsuha. Id-Direttur tad-Direttorat tal-Promozzjoni…

Aktar