Reliġjon
Il-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu se jdur il-parroċċi Għawdxin biex ikun qrib in-nies

F’okkażjoni rari ħafna, għall-ġimagħtejn li ġejjin il-kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu se jkun nieqes mis-Santwarju fil-limiti tal-Għarb. F’dan il-perjodu, din ix-xbieha se tittieħed fil-lokalitajiet kollha Għawdxin. Illejla l-kwadru jinsab ix-Xagħra.

Għeluq l-400 sena tal-kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu, xogħol il-pittur Bartolomeo Amadeo Perugino, qed jitfakkar mid-Djoċesi ta’ Għawdex b’Sena Marjana li tintemm lejlet il-festa ta’ Santa Marija. F’waħda mill-inizjattivi għal din is-sena, fil-ħmistax-il ġurnata li ġejjin dan il-kwadru se jittieħed għal ġurnata fil-knejjes parrokkjali kollha ta’ Għawdex, b’waqfa wkoll fl-Isptar Ġenerali. Il-ħsieb wara dan hu biex f’kull komunita’ parrokkjali tħoss lill-Madonna qrib tagħha.

Kienu ftit l-okkażjonijiet meta l-kwadru ħareġ mis-Santwarju Ta’ Pinu. Darbtejn ittieħed ir-Rabat, Għawdex: f’Ġunju 1949 f’għeluq ta’ Kungress Marjan f’Għawdex u f’Novembru 1950 fl-okkażjoni tal-festi speċjali meta l-Papa Piju XII pproklama d-Domma tal-Assunta. F’April 2010, il-kwadru nġieb Malta għaż-żjara tal-Papa Benedittu XVI li kien poġġa quddiemu Warda tad-Deheb u kien ħeġġeġ lill-insara jitolbu quddiem din ix-xbieha u jsejħulha Sultana tal-Familja. Storika wkoll kienet iż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II fis-Santwarju, f’Mejju tal-1990.

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech fisser is-Sena Marjana bħala mod biex it-tifkira ta’ dan l-anniversarju tal-kwadru tkun mod kif tgħin lill-insara jġeddu il-qima tagħhom lejn il-Madonna taħt it-titlu Ta’ Pinu u jagħmlu tagħhom it-tagħlimiet attwali tal-ġrajja tal-1883 li kellha l-oriġini tagħha minn dan il-kwadru.

Fit-22 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena, Karmni Grima kienet qed tirritorna d-dar mill-għelieqi tal-familja meta semgħet minn kappella leħen isejħilha. Fl-istess żmien u għal sitt darbiet, il-Madonna ta’ Pinu kienet kellmet lil Franġisk Portelli. Wara dawn il-ġrajjiet, id-devozzjoni lejn il-Madonna Ta’ Pinu baqgħet tikber, b’għadd ta’ pellegrini jżuru l-kappella li maż-żmien wasslet biex inbena Santwarju akbar li nkorpora fih il-kappella oriġinali.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Studenti u żgħażagħ Għawdxin ta’ bejn is-16 u l-20 sena jistgħu jerġgħu japplikaw għall-iskema ‘work trial scheme for youths’ li permezz tagħha jgawdu minn ħlas ta’ €85 fil-ġimgħa għal total…

Qorti

Raġel ta’ 28 sena mix-Xagħra tressaq il-Qorti akkużat li f’diversi ġranet bejn il-15 u s-17 ta’ Ġunju 2019, f’diversi postijiet ġewwa l-gżira t’Għawdex, hedded, żamm persuna kontra l-volontà tagħha, u kiser…

Qorti

Joel Portelli ta’ 28 sena mir-Rabat Għawdex kien illiberat wara li kien akkużat li f’Awwissu 2017 ħebb għal martu u kkaġunalha feriti gravi. Kien akkużat ukoll li insulenta u hedded…

Lokali

Transport Malta ffirmat Memorandum of Understanding mal-Awtorità tas-sistemi tal-port fl-ibħra tal-Lvant ta’ Sqallija. L-għan tal-ftehim iffirmat huwa li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ partijiet, peress li huma t-tnejn responsabbli mill-portijiet rispettivi…

Aktar