Il-Kwalità tal-arja fid-dawra tal-Port il-Kbir

‘Popolin’ iddiskuta l-kwalità tal-arja fid-dawra tal-port Malti. Studju li sar fl-2015 indika li kull cruise-liner li jqatta’ madwar tmien siegħat sorġut il-Port il-Kbir, iniġġes l-arja daqs madwar tliet mitt elf karozza li jivvjaġġaw miċ-Ċirkewwa sa Marsaxlokk.

Waqt vox-pop li tħejja, ‘Popolin’ staqsa lil diversi residenti tal-Kottonera kif jikkunsidraw il-kwalità tal-arja fil-lokalitajiet fejn jgħixu; qalu li għalihom il-vapuri fil-port huma parti mir-rutina ta’ kuljum, fejn qabel kien hemm tniġġis fl-arja, illum il-ġurnata ma jgergru xejn għaliex il-kwalità tal-arja marret għall-aħjar.

Tkellimna wkoll ma’ Joseph Calleja, Maniġer Ġenerali tat-Tarzna. Qalilna li t-Tarzna hija l-unika faċilità fil-port li tista’ tagħti enerġija elettrika lill-vapuri. L-istess industrija ġiet ċertifikata bħala waħda fost l-aqwa fl-Ewropa fejn tidħol l-istallazzjoni tal-iscrappers li huma impjanti fejn jiġu maħsula l-emissjonijiet mill-magna. Tenna li kif il-vapuri jaslu fil-baċiri jew mal-moll, immedjatament jitfu l-magni tagħhom. Tenna li “l-kontribut tat-Tarzna għall-kommunitajiet tal-viċin u għal Malta inġenerali huwa ċar. Qegħdin intejbu l-kredibilità tagħna fil-qasam marittimu billi ntejbu r-relazzjonijiet tagħna ma’ kull stakeholder involut, fosthom fil-qasam ambjentali u dak tat-trasport. Irridu li l-ġid iġġenerat ikun ta’ benefiċċju għal kulħadd”.

Minn naħa l-oħra, għaqda non-governattiva Maltija bl-isem ta’ Tuna Artna Lura tisħaq lit-tniġġis fl-arja fl-akwata ta’ madwar il-Port huwa evidenti. Adriana Dibben, ko-fundatriċi ta’ din l-għaqda spjegat li fil-mument hemm vapur tat-turisti fil-port li ilu għal dawn l-aħħar disa’ ġimgħat bil-magni mixgħula. Dan ifisser li ilu erbgħa u għoxrin siegħa kuljum għal disa’ ġimgħat iniġġes l-arja. Żiedet tgħid li bħala għaqda qegħdin jirċievu diversi ilmenti mir-residenzi tal-madwar rigward l-istorbju u tniġġis ġenerat.