Lokali
“Sa nofsinhar kellna mal-250 sejħa għall-assistenza minħabba l-maltemp”

Id-direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila sostna li l-kwantità ta’ ilma li niżlet f’daqqa dalgħodu affettwat il-pajjiż kollu b’mod partikolari t-toroq mibnija fil-widien bħal dawk fl-Imsida u Burmarrad.

F’kollegament waqt l-aħbarijiet fuq TVMNews+, is-Sur Psaila qal li fl-ewwel nofs ta’ nhar id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili rċieva madwar 250 sejħa għall-għajnuna. Spjega, li mal-ġurnata saru taħlita ta’ salvataġġi, fosthom ta’ persuni maqbuda fil-karozzi tagħhom. Huwa qal li f’każijiet bħal dawn, id-dipartiment jagħti prijorità fejn hemm il-ħajjiet biex jissalvaw kemm jista’ jkun persuni.

Aktar kmieni, f’kollegament ieħor waqt l-aħbarijiet tal-11.00 a.m. fuq TVMNews+, is-Sur Psaila qal li bosta toroq huma magħluqin għat-traffiku minħabba ħsarat fil-vetturi u inċidenti tat-traffiku.

Qal li d-Dipartiment għandu domanda kbira ta’ persuni maqbudin ġewwa l-karozzi tagħhom tant li rdoppja l-forza tal-ħaddiema biex jilqgħu għad-domanda. Ir-rapporti jindikaw li din hija waħda mill-agħar maltempati f’ħafna żmien.

“Nappella biex wieħed ma jpoġġix lilu nnifsu fil-periklu bla bżonn u jiġu evitati postijiet fejn jaħkem il-baħar jew jgħaddi l-ilma, pereżempju widien”, qal is-Sur Psaila waqt li t-tenna li l-ħidma tagħhom hija ffokata fuq is-salvataġġ.

Huwa żied jgħid li meta jkollok kwantità ta’ ilma li tinżel f’daqqa taffettwa lill-pajjiż kollu u din tagħmel is-sitwazzjoni iktar diffiċli għan-nies, għas-sewwieqa u għall-ħaddiema fid-dipartiment.

Id-Direttur Ġenerali spjega li bħalissa r-riżorsi tal-Protezzjoni Ċivili huma ffukati fuq operazzjonijiet ta’ salvataġġ, u għalhekk appella lill-pubbliku sabiex iċemplu fuq in-numru 112 f’każijiet tal-ikbar emerġenza.

Filwaqt li sostna li ma hemmx lok għall-paniku, is-Sur Psaila spjega kif operazzjonijiet oħrajn, fosthom għajnuna biex jiġu kkontrollati għargħar, se jibqgħu għaddejjin. Madankollu, tenna li l-prijorità tad-Dipartiment tkun dejjem każijiet fejn jista’ jkun hemm ħajja f’periklu.