Droga
Il-kwantità u l-kwalità tad-droga f’Malta naqsu tul il-pandemija?

Il-Covid-19 ġabet magħha għadd ta’ restrizzjonijiet li affettwaw is-safar u l-importazzjoni ta’ diversi prodotti, jidher iżda li mhux id-droga. Id-Direttur tal-Caritas, Anthony Gatt, qal li f’Malta ma kienx osservat xi tnaqqis partikolari fid-droga fis-suq.

“Nafu li l-Pulizija għamlu qabdiet konsiderevoli u ħadmu bla heda, però l-persuni li fittxew is-sustanzi ma qalux li kien hemm xi nuqqas ta’ sustanzi; sfortunatament in-networks tad-droga huma li huma, jiġifieri din hija operazzjoni klandestina, min jidħol bid-dgħajjes… jiġifieri avolja jkun hemm restrizzjonijiet fuq l-ajru u fuq il-baħar, jaraw minn fejn jidħlu.”

Is-Sur Gatt jgħid li l-uniku tnaqqis osservat kien dak tad-droga sintetika, li tinkludi fost oħrajn l-ecstasy, l-LSD, il-metamphetamine, bath salts u marijuana sintetika. “Iġifieri li kellna indikazzjoni forsi min-naħa ta’ droga sintetika, li ħafna minnha tiġi bil-posta, hemm kien hemm sinjali ta’ tnaqqis.”

Għall-mistoqsijiet ta’ TVM, il-Pulizija qalet li mill-investigazzjonijiet li saru, ma kinetx innutata differenza fil-kwalità tad-droga fis-suq Malti.

Rigward każi riċenti ta’ overdose, il-Pulizija qalet li l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga ma nnutawx xi żieda partikolari. Qalet ukoll li l-każijiet riċenti ta’ teħid eċċessiv ta’ droga ma jidhirx li kienu marbuta ma’ nuqqas ta’ konsum tad-droga tul il-pandemija.

Skont id-Direttur tal-Caritas, fl-erba’ xhur tal-pandemija, dawk dipendenti mid-droga fittxew l-għajnuna għal raġunijiet għal kollox differenti, fosthom 120 ruħ li talbu l-għajnuna tal-Caritas għall-ewwel darba.

“Min kien diġa f’sitwazzjoni stressanti minħabba d-droga imbagħad spiċċa f’diffikultajiet oħrajn, min għax tilef ix-xogħol, min ma setax iħallas il-kera, u kellu jmur mal-familja, u allura żdidilhom l-istress b’mod sostanzjali,” qal id-Direttur tal-Caritas.

Is-Sur Gatt qal li l-Caritas għadu jsib għajnuna mill-Awtorità tal-Istandards u l-awtoritajiet tas-saħħa, li qed jittestjaw lill-persuni għall-Covid-19 qabel dawn jidħlu f’xi waħda mid-djar residenzjali.

“Aħna nikkollaboraw ukoll ma’ entitajiet oħra bħal Sedqa u l-Oasi, biex kemm jista’ jkun issa b’mod partikolari li hemm iktar opportunità ta’ ftuħ ta’ servizzi, min ikollu bżonn l-għajnuna jirċeviha.”

Issa li l-agħar jidher li għadda, is-Sur Gatt jgħid li s-servizzi ġew kważi lura għan-normal, u appella biex ħadd ma joqgħod lura milli jfittex l-għajnuna.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Mistoqsija dwar jekk trabi għandhomx jitlibbsu maskri, Prof Gauci qalet li tfal taħt 3 snin m’għandhomx jitlibbsu l-maskra għax din tista’ tkun ta’ periklu għalihom. Dan qalitu meta kienet qed…

COVID-19

Il-Partit Nazzjonalista qal li jinsab infurmat li l-kumpanija Gozo Channel għad m’għandhiex sistema adegwata biex tara li fuq il-vapuri u fit-terminals, il-passiġġieri josservaw il-miżuri ta’ prevenzjoni mill-COVID-19 li ħabbar il-Gvern…

Kultura

Minn issa ‘l quddiem waħda mill-isbaħ xeni tal-Port il-Kbir tista’ titgawda minn fuq il-bejt ta’ Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fil-Belt. Dan hekk kif fi tmiem il-ġimgħa saret l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett…

COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li minn meta daħal fis-seħħ l-avviż legali l-ġimgħa li għaddiet, diġà nħarġu ħames multi ta’ €3,000 ‘l waħda għal organizzaturi ta’ attivitajiet, restoranti…

Aktar