COVID-19
Il-laboratorju ta’ Wuhan akkużat li għamel testijiet fuq il-friefet il-lejl

L-istitut tal-viroloġija f’Wuhan, fiċ-Ċina, kellu friefet il-lejl ħajjin miżmumin f’gaġġa u l-virus tal-Covid-19 oriġina minn hemm.

Din hija t-teżi ta’ Sky News Australia wara li ħarġet filmat li, skont hi, inġibed mill-Akkademja Ċiniża tax-Xjenza fl-okkażjoni tal-ftuħ ta’ laboratorju ġdid fl-2017.

Fil-filmat jidhru friefet il-lejl f’gaġġa kif ukoll xjenzat jagħti lil wieħed mill-friefet il-lejl dudu biex jieklu.

L-awtoritajiet Ċiniżi qed jiċħdu din l-allegazzjoni bil-virologa Shi Zhengli, li tmexxi l-imsemmi laboratorju, qed tinsisti li mhux veru wettqu esperimenti fuq il-friefet il-lejl u li kien hemm kollegi tagħha li mardu qabel il-virus inferex madwar id-dinja.

Rapport li ħarġet l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) ftit ilu ikkonkluda li wisq probabbli l-pandemija kienet ikkawżata minn virus li oriġina fil-friefet il-lejl imbagħad għadda f’annimal ieħor qabel spiċċa fil-bniedem.

Waqt li r-rapport jgħid ukoll li huwa “estremament improbabbli” li l-virus ħareġ minn laboratorju jsemmi wkoll kif l-esperti tal-WHO sabuha diffiċli jiksbu l-informazzjoni li riedu waqt iż-żjara li għamlu fiċ-Ċina.

Xjenzati Ċiniżi għadhom kemm sabu virus fil-friefet il-lejl li huwa simili ħafna għall-coronavirus.

Skont l-Università ta’ Shandong, li għamlet l-istudju, il-friefet il-lejl iġorru diversi viruses li jistgħu jikkawżaw mard serju fil-bniedem.