Lokali
“Pajjiżi tal-Mediterran jippretendu rappreżentanza fl-ogħla karigi tal-UE” – PM

L-aġenda Ewropa u kif din tolqot il-pajjiżi fin-nofsinhar tal-Unjoni Ewropa ser tkun diskussa f’summit bejn is-seba’ pajjiżi tan-nofsinhar tal-Ewropa li ser jiltaqa’ f’Malta nhar il-ġimgħa.Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li f’dan is-Summit, il-mexxejja ta’ seba’ pajjiżi tal-Mediterran ser tkun emfasizzata l-ħtieġa li jkolhom rappreżentanza ġeografika fl-istituzzjonijiet Ewropej.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat indika li l-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea fir-reġjun tal-Mediterran ser jinsistu għal rappreżentanza ġeografika fl-ogħla karigi tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Il-Prim Ministru qal “kif pajjiżi tal-Lvant ġustament iħarsu li jkunu rappreżentati, in-Nordiċi wkoll, il-pajjiżi tan-naħa t’isfel tal-Ewropa jkunu qed jagħmlu dan il-punt.”

Għas-summit ser ikun hemm is-sehem tal-Prim Ministru Muscat, flimkien mal-mexxejja tal-Italja, Franza, Ċipru, il-Greċja, il-Portugall u Spanja.

Fi tweġibiet lill-ġurnalisti wara laqgħa mal-imsieħba soċjali fil-MEUSAC, il-Prim Ministru Muscat qal li l-Gvern Malti qed jappoġġja lill-kandidat tas-Soċjalisti u Demokratiċi Frans Timmermans għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-Prim Ministru qal “nittama li jirnexxielna nikkonviċnu li s-Sur Timmermans huwa l-aħjar għażla għal dan l-irwol imma hija diskussjoni li għaddejja bħalissa bejn kapijiet differenti u li aħna qed nipparteċipaw b’mod kostrutttiv ħafna.”

L-ogħla karigi fl-istituzzjonijiet Ewropej għal wara li jintemm il-mandat tal-Kummissjoni ta’ Jean Claude Junker minn kliem il-Prim Ministru tidher li għadha miftuħa beraħ u ser tkompli tkun diskussa fil-Kunsill Ewropew li jiltaqa’ fi Brussell aktar tard dax-xahar.

“Ikollna idea ċara dwar x’ser jiġri u ma jiġrix aktar tard dan ix-xahar meta jkun hemm il-Kunsill Ewropew. Il-vibe li hemm bħalissa huwa li hemm ir-rieda li naslu għal isem, iżda l-kwistjoni mhux li jasal għal isem il-Kunsill, iżda jrid jasal għal isem li jkun aċċettabbli għall-Parlament u jrid ikun hemm kompromess f’dan ir-rigward” qal il-Prim Ministru.

Fil-laqgħa mal-MEUSAC, Dr Muscat qal li l-Kummissjoni Ewropea preżenti ħadmet tajjeb ħafna u li kienet effettiva. Dr Muscat qal li fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-mexxejja mistennija jiddiskutu l-ftehim għall-budget finanzjarju għas-7 snin li ġejjin.

Il-Prim Ministru qal li rridu nħarsu lejn prijoritajiet inkluż l-innovazzjoni u t-teknoloġija. Qal li jeħtieġ jingħataw inċentivi għall-industriji biex jibqgħu joperaw fl-Ewropa. Dr Muscat qal li d-diskussjoni għandha tiffoka wkoll dwar il-libertà tal-moviment.