Unjoni Ewropea
Il-legalizzazzjoni tal-kannabis tista’ tkun daqqa ta’ ħarta lis-swieq illegali – L-MPE Engerer

Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer esprima l-fehma li l-kannabis għandha tiġi legalizzata u titpoġġa f’qafas regolat u sikur biex jitneħħa l-kontroll minn idejn it-traffikanti.

Fid-diskors waqt konferenza li organizza b’mod virtwali fil-Parlament Ewropew flimkien ma’ ENCOD, il-Koalizzjoni Ewropea għall-Politika dwar id-Drogi Ġusta u Effettiva, Engerer qal li l-kriminalità organizzata li qiegħda tuża l-politika ta’ projbizzjoni, li twassal lil dawk li jużaw il-kannabis fi swieq illegali filwaqt li jkunu qegħdin jixtru prodott inferjuri mingħajr regolamentazzjoni.

L-Ekonomisti Marco Rossi mill-Università ta’ Sapienza u Professur Justus Haucap mill-Università ta’ Dusseldorf stmaw li biljuni ta’ flus jinkisbu minn ċrieki ta’ kriminalità organizzata kull sena minħabba n-nuqqas ta’ liġijiet madwar il-politika tal-kannabis.

Engerer qal li l-mentalità tal-“War on drugs” ma hi ta’ benefiċċju għal ħadd ħlief għat-traffikanti, u saħaq li rridu nibbażaw il-politiki tagħna fuq il-fatti u x-xjenza. “Irridu nadottaw politika li tippermettielna nressqu l-politika tal-Kannabis mill-perspettiva tal-qasam tal-Affarijiet tal-Intern u l-pulizija, għal perspettiva aktar ta’ politika soċjali.”

Matul il-konferenza Engerer qal li se jkun qiegħed iressaq numru ta’ proposti lill-Gvern Malti fil-konsultazzjoni li qiegħed jagħmel dwar il-kannabis għall-użu personali.