Politika
“Il-liġi tad-divorzju trid tgħaddi minn riforma sħiħa ħalli kull każ jingħata l-attenzjoni li jeħtieġ”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-liġi tad-divorzju trid tgħaddi minn riforma sħiħa ħalli kull każ jingħata l-attenzjoni li jeħtieġ bil-għan li tonqos it-tbatija ta’ ċerti familji.

Intervistat fuq Net FM, Dr Grech tkellem ukoll dwar il-Covid u qal li ħadd m’għandu jinjora l-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa għax il-vaċċin waħdu mhux ser ikun is-soluzzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li jrid riforma fil-liġijiet li jaffettwaw lit-tfal u l-ġenituri. Intervistat fuq Net FM, Dr Grech qal li s-sena d-dieħla l-Partit Nazzjonalista jrid jimpenja ruħu biex jissaħħu d-drittijiet ċivili.

Dwar il-liġi tad-divorzju, Dr Grech sostna kif tmiem snin ilu huwa kien kontra kif kienet imfassla din il-liġi u għalhekk issa qed jipproponi riforma sħiħa b’tibdil dwar kif ikun kalkulat il-manteminent għax kull ċirkustanza hija differenti.

Spjega li l-Maġistrati ma għandhomx riga kif dan ikun ikkalkulat bil-konsegwenza li bosta qed ibatu minn inġustizzji. Dr Grech qal li anke l-proċeduri ma jistgħux jitwalu b’mod li jifirdu lil ġenitur minn uliedu għal żmien twil f’dik li ddeksriva bħala agunija għall-familji li diġà jkunu f’diffikultajiet kbar.

Dr Grech qal li Partit Nazzjonalista għandu fi ħdanu nies kompetenti u kapaċi li qed jifhmu l-bżonnijiet tan-nies biex titfassal il-politika tal-Partit. Huwa tenna li għandu fiduċja fil-Membri Parlamentari kollha tal-Partit u qal li jekk issir reshuffle fix-Shadow Cabinet din tkun intiża biex tirrifletti t-tibdiliet li saru mill-Prim Ministru fil-Kabinett.

Dr Grech qal li l-pajjiż għaddej minn diffikultajiet u tinħass il-ħtieġa li nieħdu ħsieb xulxin. Sostna li l-pandemija għenet lill-poplu jifhem aħjar kemm huma importanti r-relazzjonijiet bejn il-bnedmin filwaqt li appella biex kulħadd jagħti każ lil dawk li jinsabu weħedhom.

Il-Kap Nazzjonalista kkritika lill-Prim Ministru Robert Abela dwar kif qed jinterpreta l-vaċċin bħala s-soluzzjoni kontra l-pandemija. Appella biex il-poplu jibqa’ jisma mill-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jieħu ħsieb tiegħu nnifsu u tal-oħrajn.