Deputati li jinqabdu jagħmlu dikjarazzjoni falza jistgħu jitilfu s-siġġu

Deputati Parlamentari li jinqabdu jagħmlu dikjarazzjoni falza dwar in-nefqa tagħhom fil-kampanja elettorali jistgħu jitilfu s-siġġu b’deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali. Dan bis-saħħa tal-liġi l-ġdida li ser tidħol fis-seħħ minn Jannar li ġej dwar il-finanzjament tal-partiti. Din ser tistabbilixxi li l-partiti ma jistgħux jaċċettaw għotjiet ta’ aktar minn €25,000 fis-sena mill-istess sors u jridu jiżvelaw mal-Kummissjoni Elettorali s-sors ta’ kull għotja li tkun ta’ aktar minn €7,000.

Wara li tpoġġiet għall-ewwel darba fl-aġenda nazzjonali fis-snin disgħin u wara diskussjoni Parlamentari li ħadet 21 siegħa, mis-sena d-dieħla, Malta ser ikollha liġi li tirregola l-finanzjament tal-partiti.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici li ppilota l-liġi fuq l-abbozz li tħejjija mill-Avukat Franco Debono qal li din il-liġi ser iddaħħal aktar trasparenza fil-politika. Spjega li fil-proċess ta’ konsultazzjoni u fil-proċess leġislattiv, il-Gvern sema’ tant li 34 klawżola ġew emendati bi qbil u kien hemm biss sitt klawsoli li dwarhom kien hemm nuqqas ta’ qbil.

L-avukat Franco Debono qal li l-approvazzjoni tal-liġi hija żvilupp Kostituzzjonali importanti.

L-elementi ewlenin tal-liġi jipprovdi li l-partiti ma jistgħux jaċċettaw għotjiet li jkun iktar minn €25,000 fis-sena mill-istess sors.

Donazzjonijiet ta’ inqas minn €5O mhux ser jkun hemm ħtieġa li jkunu rreġistrati individwalment.

Għotjiet ta’ bejn €50 u €500 jistgħu jinżammu kunfidenzjali.

Il-partiti huma obbligati jinfurmaw lil Kummissjoni Elettorali b’kull donazzjoni li tkun bejn €500 u €7,000.

Il-partiti jridu jinfurmaw lil kummissjoni elettorali b’għotjiet li jaqbżu €7,000, u l-partiti huma obbligati li jgħidu wkoll min għamel dik id-donazzjoni.

Dawn ser jiġu ppubblikati anke online mill-Kummissjoni Elettorali.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-Gvern laqa’ ħafna mill-proposti tal-Oppożizzjoni fosthom dwar l-ammonti li jistgħu jingħataw f’kull cirkustanza, iżda l-Gvern ma qabilx li għandu jorbot lil partiti b’somma globali li m’għandhiex tinqabeż f’kampanja elettorali. Qal li l-partiti jridu jippreżentaw ir-rendikonti tagħhom awditjati lill-Kummissjoni Elettorlai kull sena.

Mill-elezzjoni li jmiss kull kandidat huwa intitolat li jonfoq sa €20,000 għall-kampanja elettorali u €40,000 jekk jikkontesta fuq żewġ distretti. Il-kandidati fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jistgħu jonfqu sa €50,000 u l-kandidati fl-elezzjonijiet lokali jistgħu jonfqu sa €5,000 għal kampanja tagħhom. Jekk jririżulta li dawn l-ammonti jinqabżu jew issir dikjarazzjoni falza dwar l-ispejjeż elettorali, il-Kummissjoni Elettorali tista’ titlob lill-Qorti Kostituzzjonali biex, id-deputat li jkun ġie elett jitlef is-siġġu tiegħu.