Il-liġi tal-preskrizzjoni f’Malta għandha tiġi aġġornata?

Mhux l-ewwel darba li smajna b’każijiet fejn kriminali jeħilsuha ħafif wara li każ li allegatament ikun ikkommetta jiġi meqjus bħala preskritt. Kull tip ta’ reat jista’ jiġi preskritt? U xi jiġri mill-vittma li tkun sofriet ir-reat kommess? Ħafna mid-drabi meta każ jingħalaq minħabba preskrizzjoni u jkun relatat ma’ vjolenza domestika jew abbuż sesswali, l-pubbliku ġenerali jqajjem furur sħiħ. Hemm lok għalfejn il-liġi tal-preskrizzjoni tiġi emendata?

‘Popolin’ tkellem ma’ Dr. Robert Montalto, avukat li spjega li l-kunċett tal-preskrizzjoni huwa mibni fuq il-fatt li ħadd ma jista’ jiġi akkużat għal għomru. “Il-preskrizzjoni tgħin lill-imputat, żgur li qatt ma taġevola lill-vittmi tar-reat. Biss tkun inġustizzja wkoll, jekk bniedem jiġi ġġudikat għall-azzjonijiet jew fatti li seħħew għoxrin sena ilu. Dan għaliex il-kwalità tal-provi jkunu meqjusa bħala dgħajfa”. Żied jgħid li billi ssir ġustizzja falza minħabba evidenza li ma tkunx ċara, il-vittma ma tkun ħadet xejn lanqas.  Il-preskrizzjoni tvarja minn tliet xhur sa għoxrin sena, il-perjodi li jvarjaw skond ir-reat u l-piena li jġib miegħu. Montalto saħaq li hu mhuwiex tal-idea li l-liġi tal-preskrizzjoni titneħħa, biss kif inhi mfassla fil-mument mhux qed tindirizza l-ħtiġijiet tal-preżent. Stqarr li hemm partijiet f’din il-liġi li ilhom ma jiġu riveduti sekli sħaħ.

Dr. Nicholas Briffa, psikologu tenna li l-preskrizzjoni jista’ jkun li tgħaddi messaġġ ħażin dan għaliex diġà hija diffiċli biex vittma tirrapporta reat, speċjalment f’każijiet ta’ stupru. Parti mill-fejqan tal-vittma hija li tarah li sseħħ ġustizzja u li l-aggressur m’għadux ta’ detriment għas-soċjetà. Meta tidħol il-liġi tal-preskrizzjoni f’każijiet bħal dawn, il-vittma jħoss li filli l-istorja tiegħu kienet qed tiġi mismugħa, u filli dak is-sagrifiċċju kollha li jkun sar jisfaxxa fix-xejn.

Mistiedna waqt il-programm Dr. Veronique Dalli, avukat spjegat li d-dewmien fis-sistemi legali qegħdin joħolqu element ta’ inġustizzja lejn min ikun akkużat. Hija saħqet li hemm numru ta’ fatturi li jikkontribwixxu fid-dewmien ta’ proċeduri kriminali. Fosthom, is-sistema ta’ rinvijji fejn f’każijiet ta’ ċertu portata l-każ irid jinstema’ wara sitt ġimgħat, il-fatt li jkollok numru kbir ta’ pulizija li jiġu mħarrka biex jixhdu l-istess haġa dwar l-istess każ, xhieda li ma jippreżentawx ruħhom il-Qorti biex jagħtu x-xhieda tagħhom, dawn huma kollha fatturi li jżidu d-dewmien fil-proċeduri tal-Qrati f’pajjiżna.

Dalli temmet tgħid li l-proċess ġudizzjarju irid jara li jissalvagwardja ċertu prinċipji biss min għaddej dak il-proċess għandu d-dritt sacro sant illi jkun jaf fejn qiegħed. Hija saħqet li għandu dejjem ikun hemm konsistenza fis-sentenzi u l-ġudizzji li jingħataw.