Lokali
Il-limitu fl-eżenzjoni mill-VAT jiżdied għal €20,000

Minn hawn u ġimgħa u nofs oħra se tiddaħħal miżura mħabbra fil-Budget li permezz tagħha se jiżdied il-limitu ta’ eżenzjoni mill-VAT għal negozji żgħar u persuni li jaħdmu għal rashom minn €14,000 għal €20,000 fis-sena. Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li din hi miżura ser tnaqqas fil-burokrazija għal ħaddiem jew negozju żgħir li qed jipprova jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu.

Ħaddiema tal-id bħal kaħħala, ħajjata jew persuni li jagħtu xi servizz għal rashom b’numru tar-reġistrazzjoni tal-VAT se jkunu jistgħu jdawru sa €20,000 fis-sena flok €14,000 qabel ikunu obbligati jidħlu fl-iskema ta’ rifużjoni ta’ kull tliet xhur.

Dawk li jagħżlu li jibqgħu kkunsidrati bħala eżenti mill-VAT għax idawru inqas minn €20,000 fis-sena se jkollhom jimlew biss id-dikjarazzjoni annwali tal-valur ta’ servizz li jkunu taw.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li kif imħabbar fil-Budget, il-Gvern qed jaħseb fiż-żgħir u 18-il sena wara d-dħul tal-VAT se jkun qed jgħolli l-limitu tal-eżenzjoni minn din it-taxxa biex ikompli jnaqqas il-piżijiet amministrattivi u burokratiċi. Is-Sur Frank Borg mit-taqsima legali tad-Dipartiment tal-VAT qal li b’din ir-riforma, id-dħul mit-taxxa għal Gvern jista’ jonqos fi ftit.

Frank Borg mit-Taqsima legali tad-Dipartiment tal-VAT qal li “naturalment ir-revenue affettwat huwa minimu, imma se tiffranka ħafna burdens ta’ amministrazzjoni kemm għalina u kemm għalihom”.

Dr Borg qal li bħalissa hemm madwar 15,600 persuna jew negozji li jiddikjaraw li ma jaqbżux il-limitu ta’ €14,000 fis-sena.

Dr Frank Borg stqarr li “mill-banda l-oħra nies li huma reġistrati li jiċċarġjaw il-VAT f’din il-kateogrija u jaqbżu l-€14,000 imma ma jaqbżux l-€20,000 hemm madwar 900”.

Il-Ministru Scicluna qal li b’din l-eżenzjoni ma jfissirx li dawk li ma jaqbżux l-€20,000 mhux se jħallsu VAT. Bħala eżempju qal li bajjad li jkun eżenti mill-VAT, ma jkunx jista’ jitlob rifużjoni tal-VAT fuq il-pinzell, żebgħa jew materjal li jkun xtara għax-xogħol. Qal li l-Gvern dam kważi disa’ xhur biex jimplimenta din il-miżura minħabba li ried jikseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

Aħbarijiet Oħra
Kisbiet

Il-karozzi Bentley u Rolls Royce huma distintivi u magħrufa għal-lussu. Kristian Cini għad għandu sbatax-il sena, iżda għalkemm għad m’għandux l-età biex isuq, huwa dilettant kbir tal-karozzi Bentley u Rolls-Royce….

Sajd

Idejh jafu jinsġu l-qasab għan-nases, anke b’għajnejh magħluqa. Bis-sengħa tan-nases fid-demm, Ġanni Xuereb, magħruf bħala Ġanni l-Pipi, illum jgħodd iktar minn 80 sena, u għadu ma telaqx in-namra max-xogħol tiegħu, …

Edukazzjoni

Is-sajf wasal biex jintemm u dħalna fl-aħħar ġimgħa qabel ma jerġgħu jibdew l-iskejjel. Iżda x’inhuma s-sentimenti tal-ġenituri u l-istudenti dwar l-bidu tas-sena skolastika ġdida? TVM tkellem mal-ġenituri u l-istudenti. Mal-wieħed…

Aktar