Knisja Maltija
“Il-Madonna għandha tkun ta’ tama għalina” – l-Arċisqof

Sebat ibliet u rħula llum iċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija Assunta – it-tlugħ tal-Madonna fis-sema, waħda mid-dommi tal-fidi Nisranija. Din il-festa tiġi ċċelebrata f’għaxart ibliet u irħula bejn illum u l-Ħadd li ġej. Dalgħodu żorna l-Parroċċa tal-Mosta fejn il-ġurnata bdiet bil-quddiesa pontifikali fil-Bażilika Minuri dedikata lil Santa Marija.

Sitt lokalitajiet f’Malta u oħra f’Għawdex iċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija, il-qaddisa padruna speċjali tal-gżejjer Maltin. Għal ħafna dan iż-żmien tas-sena huwa marbut mal-vaganzi u għal oħrajn biex jattendu iċ-ċelebrazzjonijiet, u l-festi li qed ġew iċċelebrati fil-Mosta, Ħ’Attard, Gudja, Ħal Għaxaq, Qrendi, Mqabba u r-Rabat Għawdex. Il-Ħadd li ġej jiċċelebraw Santa Marija Ħad Dingli u l-Imġarr filwaqt li ż-Żebbuġ Għawdex tiċċelebraha l-Ħadd ta’ wara. Anke l-gżira ta’ Kemmuna fi tmiem il-ġimgħa tiċċelebra din il-festa.

Nhar Santa Marija, TVM żar il-festa tal-Mosta fejn il-ġurnata bdiet b’quddiesa pontifikali fil-Bażilika Minuri tal-Mosta. Fil-paniġierku, li ntiseġ mill-Arċisqof Charles J Scicluna qal li tajjeb li l-Maltin jifhmu r-raġuni profonda għaliex qed tiġi ċċelebrata din il-festa. Sostna li meta n-Nisrani jħares lejn Santa Marija u jara din il-mara mnissla bla tebgħa tad-dnub, jara kemm hu miksi bil-ħtija tad-dnub. Qal li wara kollox l-Madonna għandha tkun ta’ tama għalina, tama li nintrefgħu minn dnubietna biex ngħaddu mill-mewt għall-ħajja.

Wara l-quddiesa pontifikali fil-Mosta beda l-marċ ta’ filgħodu. Tkellimna ma’ wħud mill-parruċċani dwar it-tħejjjiet u xi tfisser għalihom din il-festa.

Chris Grech qal “matul is-sena jkollna ħafna attivitajiet għaż-żgħażagħ u anke nagħmlu wirjiet u sebaħ u dalam. Nagħmlu wkoll il-marċ ta’ filgħodu aħna. Nagħmlu xi armar, għalkemm din is-sena ħabba r-riħ ma armajniex kollox, issa qegħdin nistennew li tlesti l-funzjoni tal-Knisja u l-banda tagħna tibda tul din it-triq. Ikollna l-marċ ta’ filgħodu aħna u narmaw il-marċ bil-briju u bil-bnadar bħalma jafu jagħmlu ż-żgħażagħ.”

Joseph Mangion qal “għalija l-festa tfisser ħafna. Dilettant kbir. Inħobbha wisq…. Il-ferħ tal-Madonna ma nistax niddeskrivih fhimt.”

Katya Bezzina qalet “naħseb hija parti mit-tradizzjoni tagħna l-Maltin għall-festa tar-raħal li kulħadd jistenna, narmaw ħafna bil-briju filgħodu jkollna l-marċ u l-murtali u n-nar tal-art.”

U l-ilwien li żifnu fis-smewwiet ilbieraħ filgħaxija taw togħma iktar ikkulurita lill-festa ta’ Santa Marija bl-ispettaklu fost ohrajn mill-Għaqda tan-Nar Santa Marija tal-Imqabba jibqa’ fuq fomm kulħadd. Bit-tema Fireworks Spectacular, il-wirja ta’ logħob sinkronizzat mal-mużika kien l-ikbar wieħed li qatt sar minn din l-għaqda. Torri ta’ 57 metru għoli kien fil-qofol ta’ dan l-ispettaklu pirotekniku li ra l-ilwien tal-qawsalla jiżfnu mal-mużika li jixhed ukoll il-ħiliet raffinati tal-piroteknici Maltin.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Waqt li hemm stennija għall-azzjonijiet li se jittieħdu mill-Gvern wara l-konsultazzjoni pubblika li saret fuq it-traffikar uman u l-prostituzzjoni, stħarriġ mill-programm INSIGHTS li jixxandar illejla fuq TVM, wera li l-prostituzzjoni…

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li min qed jinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia għandu jkollu l-kuraġġ jasal sal-aħħar għax warajh se jsib l-appoġġ u d-difiża ta’…

Agrikultura

Skola fiż-żona “Taż-Żokrija” fil-Mosta li tifforma parti mill-Kulleġġ Maria Reġina għandha ċentru mnejn toffri lill-istudenti fl-aħħar tliet snin tas-sekondarja tagħlim fuq l-agrikoltura u t-trobbija tal-annimali. Mifrux fuq erbat elef u…

Aktar