Lokali
Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin jifhmu li l-prostituzzjoni mhix impjieg normali

Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin jifhmu li l-prostituzzjoni mhix impjieg normali. Dan jirriżulta minn stħarriġ xjentifiku li sar mill-MISCO fost 404 persuni fi Frar li għadda.

Dr Anna Borg mill-Malta Women’s Lobby qalet li jekk il-prostituzzjoni tiġi dekriminalizzata se tiżdied id-domanda għall-industrija tas-sess.

Għaldaqstant, il-Malta Women’s Lobby qed tappella lill-Gvern sabiex jipproteġi u jgħin persuni vulnerabbli li jinqabdu fiċ-ċirku tal-prostituzzjoni u qed tisħaq li min iħaddem in-nies fil-prostituzzjoni ma jsib ebda appoġġ mingħand l-awtoritajiet.

Għall-Maltin, il-prostituzzjoni mhux impjieg normali u ġġorr magħha ħafna riskji kemm għall-vittmi tagħha kif ukoll għall-pajjiż jekk din l-industrija tiġi dekriminalizzata.

Dan jirriżulta minn studju li sar mill-Malta Women’s Lobby u sab li 99 fil-mija tal-poplu Malti jaħseb li bil-prostituzzjoni jiżdied ir-riskju ta’ problemi ta’ saħħa sesswali filwaqt li 98 fil-mija jaħsbu li tiżdied il-vjolenza sesswali.

L-istess studju juri li 97 fil-mija jaħsbu li jiżdied ir-riskju ta’ trawma mentali u 96 fil-mija jaħsbu li bil-prostituzzjoni jiżdiedu r-riskji ta’ korrimenti fiżiċi.

Kważi tliet kwarti tan-nies li ħadu sehem fl-istħarriġ, jaħsbu wkoll li b’aktar prostituzzjoni f’Malta, se tiżdied il-kriminalità organizzata minħabba żieda fil-ħasil tal-flus, fil-bejgħ ta’ droga u fit-traffikar tan-nies.

Dr Anna Borg mill-Malta Women’s Lobby spjegat li biex il-prostituzzjoni tiġi dekriminalizzata, se tiżdied id-domanda għall-industrija tas-sess.

“Essenzjalment, f’kuntest fejn il-prostituzzjoni mhix illegali, issa bl-aktar mod apert se jkollok aktar nies li jagħtuk il-card fit-triq, li jippruvaw iħajruk, għax issa dik se tiġi legali. U allura dak huwa messaġġ ukoll lil min jaħdem f’dan is-settur li Malta issa għandek inqas problemi biex tkun tista’ jekk trid tissettja business fil-prostituzzjoni għandek aktar ċans.”

Dr Borg qalet li mill-istħarriġ joħroġ li 89 fil-mija tal-pubbliku Malti jrid li l-Gvern jipprovdi appoġġ biex in-nies ma jidħlux fil-prostituzzjoni filwaqt li 93 fil-mija jaħsbu li l-Gvern għandu jipprovdi l-appoġġ meħtieġ biex min jinsab fiċ-ċirku tal-prostituzzjoni jkun jista’ joħroġ.

Il-Malta Women’s Lobby qed isejjaħ lill-Gvern sabiex jipproteġi lin-nisa, bniet, subien u persuni LGBTIQ vulnerabbli milli jinqabdu fiċ-ċirku tal-prostituzzjoni, joffri servizzi biex il-vittmi joħorġu minn dan iċ-ċirku u biex ma jipproteġix lil min iħaddem in-nies fil-prostituzzjoni, lit-traffikanti u lil min lest li jħallas għas-sess.

Il-Malta Women’s Lobby jħaddan koalizzjoni ta’ 40 għaqda Maltija u ħames għaqdiet internazzjonali li jaħdmu favur il-ħarsien u d-drittijiet tan-nisa u l-bniet.