Immigrazzjoni
“Il-maġġoranza tal-immigranti f’Malta mhux refuġjati u jridu jiġu ripatrijati” – Il-Kummissarju Johansson

Il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-immigrazzjoni, Ylva Johansson, qalet li l-maġġoranza tal-immigranti f’Malta mhumiex refuġjati u għandhom jintbagħtu lura pajjiżhom fi proċedura li għandha tkun maqsuma bejn l-istati membri.

Il-Kummissarju qalet dan waqt TVAM meta kienet qed twieġeb mistoqsijiet dwar il-patt għall-immigrazzjoni.

Qalet li b’dan il-patt il-Kummissjoni Ewropea qed tipprova tikseb kompromess bilanċjat li jkun aċċettat mill-istati membri kollha, għall-kuntrarju ta’ proposti li saru fil-passat u li kienu twaqqfu mill-kunsill, b’konsegwenza li l-piż qed jaqa’ fuq pajjiżi bħal Malta. Żiedet li konsegwenzi oħrajn huma nuqqas ta’ fiduċja bejn l-istati membri u sitwazzjoni diffiċli għall-immigranti.

Il-Kummissarju Johansson qalet li bil-pjan il-ġdid kull pajjiż ikollu kwota ta’ immigranti li jrid jieħu f’pajjiżu jekk dawn huma intitolati għall-ażil. Inkella għandu l-għażla li jipprova jibgħat lura f’pajjiżhom lil dawk li ma jikkwalifikawx għall-ażil, u f’każ li din ma tirnexxix, irid jeħodhom f’pajjiżu.

Qalet li l-immigranti f’Malta li ma jikkwalifikawx għall-ażil, li fi kliemha huma l-maġġoranza, m’għandhomx jaqgħu biss taħt ir-responsabbiltà ta’ Malta biex jiġu ripatrijati, imma din għandha tkun responsabbiltà tal-istati membri kollha.

Ara l-intervista sħiħa mal-Kummissarju hawn: