Lokali
“Il-maġġoranza tal-lezzjonijiet se jsiru fil-klassijiet” – ir-rettur tal-Università

Għal eluf ta’ studenti, mit-tieni sena ‘l fuq ta’ kors fl-Università, is-sena akkademika l-ġdida tibda għada. L-istudenti l-ġodda jibdew ġimgħa wara. Fil-ġimgħat li għaddew, l-amministrazzjoni tal-Università ħadet diversi deċiżjonijiet biex l-istudenti jkollhom sena akkademika normali kemm jista’ jkun.

Wara sena u nofs bil-lezzjonijiet onlajn u ftit attività fuq il-kampus, mit-Tnejn l-istudenti mit-tieni sena ‘l fuq se jirritornaw f’Tal-Qroqq għal sena akkademika ġdida. Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella, qal li mas-70% tal-lezzjonijiet se jsiru fil-klassijiet bħal qabel, ħlief għall-ilbies tal-maskra u ż-żamma tad-distanza fiżika. Spjega, li lezzjonijiet b’numru kbir ta’ studenti, aktar minn 70, se jaħdmu b’sistema fejn il-grupp se jinqasam fi tnejn: uħud bi preżenza fiżika fil-klassi jew sala u l-kumplament isegwu b’metodi virtwali.

“Il-PR – P – physical, R – remote, fejn il-grupp il-kbir jinqasam fi tnejn. Per eż. Group A ikun qiegħed in person, il-P, group B, in-nofs l-ieħor, ikun R għal dik il-ġimgħa jiġifieri qed jieħu l-lecture tramite mezzi remote. Din l-alternanza ta’ physical-remote tkun tfisser li l-istudenti kollha tal-università jerġgħu jkollhom l-opportunità li jiġu fuq il-kampus u jħossu l-ħajja tal-istudent terġa’ tibda taħdem, għaliex li int tgħallem kollox onlajn, kif konna sfurzati nagħmlu f’dis-sena u nofs li għaddiet, l-esperjenza fuq l-istudent ma kinitx waħda feliċi.”

L-istudenti tal-ewwel sena se jidħlu l-Università ġimgħa wara, fl-4 ta’ Ottubru, l-ewwel għal ġimgħa ta’ attivitajiet. Il-President tal-Kunsill Studenti Universitarji, Neil Zahra qal li din il-ġimgħa se tieħu sura kemxejn differenti minn qabel.

“Se tkun freshers week b’differenza għall-fatt illi l-istudenti jridu jibbukkjaw ċerti slots skont il-ġurnata biex jiġu jattendu u jaraw x’hemm available u jsiru jafu u jaġġustaw ruħhom għall-Università…ovjament in a controlled environment, bil-maskri, bl-entrances u l-exits.”

Studenti fuq il-kampus qalu li huma ħerqana li jerġgħu jiltaqgħu wiċċ imb wiċċ mal-letturi u ma’ studenti oħra.

“Kuntenti ħafna…aħna nemmnu li lecture mhuwiex just…jinvolvi esperjenza ħafna ikbar u li tkun hawnhekk fuq kampus, tiltaqa’ mal-kollegi tiegħek, li actually tgawdi l-ħajja tal-Università kompleta.”

“Inħossni eċitata…jien tiela’ second year u s-sena l-oħra kont dejjem onlajn u ma nafx x’inhi l-Università…allura I’m very excited li fl-aħħar ħa ngħix il-ħajja tal-Università, ħa niltaqa’ ma’ nies ġodda…esperjenza ġdida naħseb.”

L-istess tifsila tal-ftuħ tal-Universita’ se ssir fil-Junior College. Mit-Tnejn jibdew l-istudenti tat-tieni sena waqt li l-istudenti l-ġodda jibdew l-esperjenza l-ġdida f’din l-istituzzjoni post sekondarja mit-Tnejn 4 ta’ Ottubru.