Lokali
Il-Maltin jaraw il-porn biex jitgħallmu minnu

Is-siti tal-pornografija fuq l-internet huma fost l-aktar siti li jżuruhom il-Maltin. Dan joħroġ mill-klassifika fuq is-sit Alexa, fejn fost l-aktar 20 sit popolari mal-Maltin, hemm żewġ siti tal-pornografija.

Studju Ewropew ipprova jiskopri r-raġunijiet għal dan l-interess, li jista’ jsir vizzju. Sab li fost ir-raġunijiet li l-Maltin jaraw il-pornografija hu għax jaħsbu li jistgħu jedukaw ruħhom sesswalment. Ir-riċerka, li ġiet ippubblikata x-xahar li għadda fil-Portugall, uriet li l-irġiel ifittxu l-pornografija aktar min-nisa.

Is-sesswologu Nicholas Briffa, wieħed mit-tliet riċerkaturi tal-istudju, qed jipproponi li biex tinbidel din il-mentalità, fl-iskejjel għandhom jiddaħħlu lezzjonijiet dwar il-pornografija u l-effetti tagħha.

Studju ppubblikat ix-xahar li għadda bbażat fuq intervisti ma’ kampjun ta’ 1,780 Malti u Maltija, li għandhom bejn it-18 u l-40 sena, wera li 84% tal-irġiel u 54% tan-nisa jaraw il-pornografija. Fil-maġġoranza tagħhom, il-Maltin jaħsbu li l-pornografija tista’ ttejjeb ir-relazzjonijiet sesswali tagħhom.

Is-sesswologu Nicholas Briffa, wieħed mit-tliet riċerkaturi li ħadmu fuq dan l-istudju, qal li r-raġunijiet għaliex il-Maltin jaraw materjal pornografiku huma varji, fosthom għax qalu li jaħsbu li jistgħu jedukaw ruħhom fuq is-sess. “Biex allura jkunu jafu fuq il-pjaċir sesswali, kif jista’ jieħdu gost aktar sesswalment u jagħtu aktar il-pjaċir. Insemmi l-loneliness, l-ansjetà, insemmi li persuna ma tkunx kuntenta bir-relazzjoni sesswali tagħha, allura tirrikorri għall-pornografija.”

Dr Briffa rrimarka, li meta jiġu biex jagħmlu s-sess mas-sieħeb jew is-sieħba tagħhom, hemm ir-riskju li Maltin jistennew riżultat simili għal dak li jkunu raw, anke jekk dan mhux possibbli. “Dak li hemm fil-pornografija mhijiex ir-realtà u li l-pornografija tagħti stampa mċajpra ta’ x’inhi s-sesswalità.”

Wara r-riċerka, l-istudjużi ħarġu bi proposta.

“Aħna qegħdin nipproponu dak li nsejħulu porn literacy li hija edukazzjoni fuq il-pornografija mhux edukazzjoni bil-pornografija. Nafu li meta inti tinnormalizza l-pornografija ma jfissirx li ġġib tajjeb. Ifisser li inti tammetti li hawn realtà li qed isseħħ fi ħdan is-soċjetà,” spjega Dr Briffa. “Meta inti tinnormalizza tħeġġeġ aktar nies jitkellmu fuq is-suġġett, allura toħloq djalogu ta’ għarfien bla mistħija, u jekk persuna għandha bżonn xi tip ta’ għarfien għandha tfittixha għand is-sorsi tajbin u mhux fil-pornografija li mhux l-edukazzjoni li rridu nagħtu lil uliedna.”

Dr Briffa qal, li fost konklużjonijiet oħrajn, mir-riċerka joħroġ li 4% tal-irġiel u 1% tan-nisa ntrikbu mill-pornografija li għalihom hi vizzju li ma jistgħux jikkontrollaw.

Aħbarijiet Oħra
Cryptocurrency

Malta għandha tliet liġijiet li jirregolaw l-industrija l-ġdida relatata mal-block chain u l-muniti diġitali. Esperti f’dal-qasam jemmnu li s-setturi se jkunu l-mod kif isir in-negozju fil-futur. Mark Bugeja hu espert…

Temp

Tliet snin oħra jaħbat għeluq il-mitt sena mill-ftuħ tal-ewwel uffiċċju għat-tbassir tat-temp f’Malta. Fil-jum dinji tal-metereoloġija, iċċelebrat bħal-lum, it-23 ta’ Marzu, jitfakkar it-twaqqif tal-organizzazzjoni dinjija tal-meteoroloġija fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda…

Sport

Illejla fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, f’logħba li ntemmet għall-ħabta tat-8.00pm, Malta rebħet lill-Gżejjer Faroe 2-1. Goals skurjati minn Kyrian Nwoko u penalty ta’ Steve Borg – wieħed f’kull taqsima. Il-Gżejjer…

Kultura

Il-Proġett “Żunżana” jikkonsisti f’sensiela ta’ ħames kunċerti li se jittellgħu b’kollaborazzjoni bejn Aġenzija Żgħażagħ u l-Għaqda Każini tal-Banda minn grupp ta’ bandisti żgħażagħ li bdew idoqqu fl-aħħar ħames snin. Il-baned…

Aktar