Il-maġġoranza tal-persuni li qed iffitxu akkomodazzjoni soċjali huma nisa

Madwar tlett elef persuna f’pajjiżna qiegħdin ifittxu akkomodazzjoni soċjali. Ftit tal-jiem ilu l-Awtorità tad-Djar ippubblikat stħarriġ li għamel profil tal-persuni li jfittxu l-għajnuna sabiex ikollhom saqaf fuq rashom. Fost ħafna fatti interessanti jidher li madwar 54% tal-applikanti għandhom bejn is-sitta u għoxrin u l-ħamsa u erbgħin sena. Ammont sostanzjali huma persuni li jinsabu mingħajr impjieg jew b’impjieg bi dħul baxx. Popolin analizza dak indikat f’dan l-istħarriġ.

Ir-riċerka wriet li 75% ta’ min japplika għal post alternattiv huma nisa. U tnejn minn kull tliet applikanti huma ġenituri waħidhom. Madwar 51% tal-applikanti huma persuni single, 16% miżżewġin u 27% huma separati jew divorzjati. Għalhekk ir-riċerka indikat li l-maġġoranza tal-applikanti għal akkomodazzjoni soċjali huma nisa li ħafna drabi jkunu ommijiet waħedhom.

L-istħarriġ juri wkoll li 29% tal-applikanti jaħdmu full time, filwaqt li 10% jaħdmu part time. Il-maġġoranza relattiva ta’ 39% indikat li tinsab mingħajr impjieg. Ir-raġunijiet għal dan huma varji bil-maġġoranza jindikaw li ma għandhomx fejn iħallu t-tfal waqt li jkunu fuq il-post tax-xogħol jew għandhom problemi ta’ saħħa.

Meta mistoqsija x’tip ta’ post qiegħdin jabitaw fih fil-mument, 51% qalu li jgħixu ġo post mikri. L-istess riċerka analizzat x’inhi r-raġuni ewlenija għalfejn dawn l-applikanti jsibu diffikultà biex jixtru l-propjetà tagħhom. Wieħed minn kull erbgħa applikanti jindika li l-ikbar sfida hija d-depożitu inizjali li jintalbu mill-banek. Madwar 16% jaraw il-ħlasijiet ta’ kull xahar bħala l-ikbar sfida filwaqt li 12% qalu li m’għandhomx impjieg u għalhekk ma jistgħux jieħdu self mill-bank. Madwar 58% qalu li jikkunsidraw jixtru l-propjetà tagħhom jekk jirċievu l-għajnuna mill-Gvern.

“Kienet tkun ġennata kieku l-Gvern li llum qiegħed jagħmel investiment ta’ iktar minn mitt miljun ewro biex ikun hemm iktar minn elf u seba’ mitt appartament ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali, ma jinvestigax min huma l-persuni li se jkunu qegħdin jużaw dawn l-appartamenti” qal dan il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid Mckay f’kummenti ma’ Popolin. Żied jgħid li dan l-eżerċizzju sar biex bħala Awtorità jifhmu aħjar x’inhuma l-bżonnijiet tal-applikanti, filwaqt li ssir analiżi ta’ min hu u min mhuwiex eliġibbli għal akkomodazzjoni soċjali.