Edukazzjoni
Il-maġġoranza tat-tfal tal-iskola jibbenefikaw minn trasport b’xejn – 829 student qed jistennew risposta

Il-maġġoranza tal-istudenti tal-Knisja u Indipendenti għandhom rashom mistrieħa li minn nhar it-Tnejn ser juzaw it-trasport b’xejn għall-iskejjel. Madankollu għad fadal 830 student li qegħdin jistennew biex jinstabilhom operatur tat-trasport.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-Gvern huwa impenjat li jsib soluzzjoni biex l-istudenti kollha jkollhom t-trasport b’xejn għall-iskejjel.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, qal li bħalissa għaddej eżerċizzju biex jinstab trasport għal kważi 830 student tal-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti li applikaw biex ikollhom trasport imħallas mill-Gvern għall-iskejjel tagħhom.

“Nibqa’ inkwetat li għadna ma lħaqniex biex nissodisfaw il-bżonnijiet ta’ kulħadd. Se nkomplu naħdmu kif qed naħdmu biex il-mijiet li għandna li għadhom m’għadhomx trasport, naraw kif nipprovdulhom. Qed inkomplu nkunu f’kuntatt mal-ġenituri u operaturi. Irridu nżidu n-numru ta’ operaturi li għandhom sewwieqa u vetturi biżżejjed biex nipprovdu dan is-servizz” qal il-Ministru Bartolo.

Il-Ministru Bartolo nsista li l-Gvern hu impenjat li jsib soluzzjoni mill-aktar fis. Qal li l-Ministeru ssokta bl-impenn biex aktar operaturi jissieħbu fl-iskema li minn 19 telgħu ghal 75 operatur li ser jaħdmu dawn il-vjaġġi.

Żied jgħid li għalkemm il-Ministeru mhux responsabbli mil-loġisitka tat-trasport tal-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti, qed tingħata l-għajnuna lill-ġenituri u lill-iskejjel biex jinstab it-trasport għat-tfal.

Qal li l-operaturi tat-trasport jew il-koordinaturi li qed jaġixxu għan-nom tal-iskejjel għadhom qed jiffinalizzaw ir-rotot tagħhom. Huma qed jinfurmaw lill-Ministeru bid-dettalji, inkluż kemm tfal huma konfermati fuq kull rotta. Qal li dan il-proċess għadu mhux finalizzat.

Il-Ministru Bartolo qal li minn din is-sena skolastika, il-Ministeru ser jintroduċi b’mod gradwali is-servizz ta’ superviżjoni fuq it-trasport għall-iskejjel tal-Istat.

”Dehrilna li aħjar m’għandniex nagħmlu kollox f’salt, iżda nimxu pass pass. U allura s-superviżjoni se tibda, jiġifieri li persuna tkun fuq vann jew fuq kowċ, hija ma’ tfal ta’ tliet snin u erba’ snin, fejn ikunu qed jinġarru tfal ta’ tliet u erba’ snin jiġifieri qed jidħol dak bħala l-ewwel pass imma mbagħad, pass wara pass ser indaħħlu l-moniteraġġ elettroniku” kompla jgħid il-Ministru Bartolo.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri appella għall-koperazzjoni biex ikunu segwiti d-direzzjonijiet u l-immaniġġjar tat-traffiku li tfasslu bejn ministeri differenti minħabba li bħal kull sena, il-bidu tas-sena skolastika jżid it-traffiku f’ċerti ħinijiet tal-ġurnata.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern tnikker fil-preparamenti biex jipprovdi trasport b’xejn. Fi stqarrija, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli qal li t-tmien mitt student li l-Ministru Bartolo qal li għadhom mingħajr trasport huma turija tan-nuqqas ta’ ppjanar serju mill-Gvern meta fadal biss erbat’ijiem għall-bidu tas-sena skolastika. Is-Sur Puli nnota li għad m’hemmx ftehim għal superviżjoni tat-tfal waqt il-vjaġġ lejn l-iskola.

B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li donnu l-Partit Nazzjonalista mhux kuntent li eluf ta’ studenti se jkunu qed jużaw it-trasport organizzat għall-ewwel darba u se jiffrankaw mijiet ta’ Ewro fis-sena għax din id-darba se jħallas il-Gvern għal dak li sas-sena l-oħra kienu joħorġu mill-but huma. Il-Partit Laburista qal li l-Gvern hu impenjat li t-800 student li għadhom bla trasport igawdu wkoll minn din l-iskema.

Aħbarijiet Oħra
Parlament

L-Ispeaker Anġlu Farrugia ddikjara li kliem li ntqal fi tweet mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi jikkostitwixxi prima facie ksur ta’ privileġġ fil-konfront tal-Ministru Chris Cardona u talab lid-Deputat Nazzjonalista jagħmel apoloġija….

Lokali

Rappreżentanti ta’ ħames organizzazzjonijiet internazzjonali tal-midja li fl-aħħar jiem kienu f’Malta f’dik li sejħu missjoni għal-libertà tal-espressjoni, qalu li l-Gvern għandu jassigura li qed issir investigazzjoni sħiħa dwar il-qtil ta’…

Lokali

Il-Virtu Ferris qalet li għada se tħassar il-vjaġġi tagħha. Fuq Facebook, il-kumpanija qalet li kellha tħassar il-vjaġġi tagħha minħabba l-kundizzjonijiet tal-baħar u l-maltemp.

Kronaka

Il-lejl li għadda 2 vetturi ħadu n-nar. Għall-ħabta ta’ 11.45pm karozza ħadet in-nar fi Triq il-Vitorja Ħal Qormi, b’konsegwenza li n-nirien inferxu fuq karozza oħra u parti minn binja. Ftit…

Aktar