Lokali
Il-maġġoranza taż-żgħażagħ Maltin kuntenti bil-kwalità ta’ ħajja li jgħixu

Tmienja minn kull għaxar żgħażagħ Maltin huma sodisfatti bl-edukazzjoni, bix-xogħol u bil-kwalità ta’ ħajja li jgħixu.

Dan ħareġ fi stħarriġ tal-aġenzija żgħażagħ fost aktar minn ħames mitt żagħżugħ u żagħżugħa u li r-riżultati tiegħu ġew ippubblikati fil-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.

Tmenin fil-mija taż-żgħażagħ intervistati qalu li huma sodisfatti bl-edukazzjoni li jirċievu u bl-opportunitajiet varji tax-xogħol li jsibu filwaqt li tlieta minn kull erba’ żgħażagħ qalu li huma kuntenti bil-kwalità tal-ħajja u bl-imġiba soċjali pożittiva u kostruttiva f’pajjiżna.

Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fost 511 żagħżugħ u żagħżugħa ta’ bejn is-16 u t-30 sena.

L-istħarriġ ikkummissjonat minn Aġenzija Żgħażagħ jagħti ħarsa lejn l-esperjenzi, l-aspettattivi u l-opinjonijiet taż-żgħażagħ dwar l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-istili ta’ ħajja.

Ir-riċerka wriet li ż-żgħażagħ jemmnu li għandhom ikunu ċittadini attivi iżda tliet kwarti minnhom mhumiex membri f’xi għaqda mhux governattiva.

“Hija xi ħaġa li aħna rridu naħdmu fuqha. Numru li jikkompara ħafna mal-medja Ewropea però hija xi ħaġa li rridu naħdmu fuqha. Dan l-istudju qed jagħti l-opportunità u aħna għalhekk nagħmluh biex aħna jirnexxielna nagħmlu policies ibbażati fuq l-evidenza.”

Jason Zammit mill-Aġenzija Żgħażagħ qal wkoll li r-riċerka wriet li aktar minn 70 fil-mija taż-żgħażagħ qalu li huma lesti li jilqgħu lir-refuġjati fil-komunitajiet tagħhom iżda kienu ħafna inqas dawk li qalu li huma lesti li jiżżewwġu lil xi ħadd ta’ reliġjon differenti. Żied li dan juri li ż-żgħażagħ mhumiex liberali daqs kemm ħafna għandhom il-perċezzjoni li huma.

Ir-riċerka hija parti minn proġett iffinanzjat mill-programm Erasmus + li l-Aġenzija Żgħażagħ ippreżentat fil-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ li din is-sena għandu t-tema Transforming Education bil-għan li ż-żgħażagħ infushom ikunu l-bidla iżda jridu jkunu attivi huma stess biex ikunu jistgħu jinvolvu żgħażagħ oħra.

Aġenzija Żgħażagħ għamlet ukoll stħarriġ kwalitattiv fost 900 żgħażugħ u żgħażugħa li minnu fost oħrajn ħareġ li fost l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ hemm is-saħħa mentali, il-media soċjali, kif jirrelataw ma’ sħabhom u kif se jsibu l-ħin biex jimpenjaw ruħhom fil-volontarjat.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Clifton Grima li kien ippreżentat ukoll b’xi rakkomandazzjonijiet li għamlu ż-żgħażagħ, qal li l-Gvern jappoġġja riċerka ta’ dan it-tip li tgħin biex il-politika taż-żgħażagħ tkun ibbażata fuq evidenza.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Bħal dan iż-żmien mitt sena, f’Malta twieled wieħed mill-aqwa kummidjanti Maltin ta’ kull żmien. Imwieled l-Isla u mrobbi Bormla, Charles Clews hu kkunsidrat re tal-komiċità Maltija speċjalment għall-umoriżmu nadif tiegħu…

Lokali

Id-diriġenti tal-Fondazzjoni Puttinu qalu lil TVM li wara li fil-maratona ta’ tmiem il-gimgha inġabret is-somma ta’ ‘l fuq minn miljun u sitt mitt elf ewro, il-mira biex iseħħ il-proġett għal…

Lokali

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri nieda l-ewwel rotta tal-inbejjed, jew wine trail, f’pajjiżna filwaqt li ħabbar li se jkun hemm il-Vintners’ Open Weekend is-Sibt 21 u l-Ħadd…

Lokali

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar l-End of Summer Family Weekend Festival b’risq Dar Bjorn li se jittella’ fl-20, fil-21 u fit-22 ta’ Settembru fil-Bajja s-Sabiħa f’Birżebbuġa. Dan…

Aktar