Parlament
Il-Maġistrat bdiet tinvestiga lil 17 Black qabel ħarġu r-rapporti fil-midja

Il-Maġistrat Charmaine Galea qed tmexxi inkjesta fuq il-każ tal-kumpanija 17 Black. Dan ikkonfermah fil-Parlament il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici meta fil-Parlament wieġeb mistoqsija tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Il-Ministru tal-Ġustizzja qal li fid-dawl tal-ispekulazzjonijiet li kien hemm fl-aħħar jiem fil-ġurnali, huwa staqsa specifikament dwar dan lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Il-Ministru Bonnici qal li l-Avukat Ġenerali ikkonferma li l-inkjesta dwar 17 Black infetħet ġimgħat ilu mill-Maġistrat Charmaine Galea fuq talba tal-pulizija. Dr Bonnici qal li dan sar qabel ma ħareġ ir-rapport fil-midja dwar il-kumpanija 17 Black.

Għal mistoqsijiet oħra tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li l-istituzzjonijiet jaħdmu bl-awtonomija. Dr Muscat appella kontra l-ispekulazzjonijiet u biex kulħadd iħalli l-istituzzjonijiet jaħdmu bis-serenità. Dr Muscat tenna l-fiduċja tiegħu fil-pulizija u fil-ġudikatura.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa wkoll fuq dak li ġie rappurtat li ntqal mil-Ministru Michael Farrugia fuq l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dr Delia qal li jistenna li fuq materja bħal din ta’ interess nazzjonali, l-informazzjoni kellha tingħata b’mod uffiċjali mill-Kummissarju tal-Pulizija jew mill-Ministru fil-Parlament.

Il-Prim Ministru qal li allaħares il-Gvern jindaħal x’tirrapporta l-midja. Żied jgħid li r-rappurtaġġi tal-midja jibqgħu fir-responsabbiltà tagħha u żied jgħid li kull kelma li tingħad fuq dawn l-investigazzjoni hija kelma żejda.

Aktar kmieni, permezz ta’ stqarrija, il-Ministru Michael Farrugia għamel kjarifika dwar dak li ġie rappurtat li qal fl-aħbarijiet tat-TG3. Il-Ministru Farrugia qal li fl-intervista rrekordjata bit-telefon mal-istazzjon Taljan, huwa saħaq li huwa meta jkun hemm provi konkreti li jistgħu jsiru l-arresti b’konnessjoni mal-qtil tas-sinjura Caruana Galizia.

Dr Farrugia żied jikkonferma li l-investigazzjonijiet tal-pulziija għadhom għaddejjin u li l-Europol għadha involuta attivitament f’dawn l-investigazzjonijiet.

Aħbarijiet Oħra
Elezzjoni

F’attività politika fil-Mellieħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem dwar l-Istrateġija Nazzjonali tal-Isport li tnediet aktar kmieni matul il-ġurnata. Qal li u jemmen li hemm potenzjal kbir f’dan is-settur u għalhekk…

NGOs

Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura hub modern u tal-għola standards fil-Marsa msejjaħ The Meeting Place li ser isservi biex ikollhom spazju fejn jiltaqgħu l-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fl-oqsma tal-edukazzjoni,…

Elezzjoni

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li l-iskema biex jingħataw ħlasijiet lill-eluf ta’ ħaddiema approvata mill-Kabinett saret biex issir ġustizzja ma’ iktar ħaddiema f’diversi oqsma fosthom ex ħaddiema…

Elezzjoni

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li, għal dan il-Gvern, Għawdex mhuwiex prijorità. Waqt attività politika fin-Nadur Ghawdex illejla, Dr Delia sostna li hemm kuntrast qawwi mal-investiment li kien għamel…

Aktar