Qorti
Il-Maġistrat tordna lill-Pulizija tinvestiga min żvela jew għadda r-recordings ta’ Melvin Theuma

Il-Maġistrat Rachel Montebello ordnat li l-Pulizija tinvestiga l-leak fil-mezzi tal-media tar-recordings ta’ Melvin Theuma. Fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech li kompliet illum, id-difiża talbet biex tiġi eżaminata s-saħħa mentali ta’ Theuma. U fl-istess seduta xehed il-kaptan tad-dgħajsa ta’ Fenech u ċaħad li n-negozjant ipprova jaħrab minn Malta qabel ġie arrestat f’San Ġiljan.

Il-Maġistrat Rachel Montebello li qed tisma’ l-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ordnat li l-Pulizija tinvestiga min żvela jew għadda recordings u traskrizzjonijiet ta’ telefonati li għamel Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-każ tal-qtil. Ir-recordings ġew leaked fi tmiem il-ġimgħa l-oħra.

Waqt li l-Ħamis filgħodu kompliet il-kumpilazzjoni, il-Maġistrat Montebello irriafermat id-deċiżjoni tagħha f’Jannar li għadda li r-recordings u traskrizzjonijiet tagħhom ma kellhomx jiġu żvelati. Ir-recordings li xxandru kienu fost dawk li nstemgħu fil-magħluq fis-seduta tat-22 ta’ Lulju. Hija qalet li dan huwa ksur tal-liġi u ddeplorat il-pubblikazzjoni tagħhom fuq xi siti tal-media, fatt li sejħitlu bħala disprezz lejn l-awtorità. Hija ordnat li l-Pulizija għandha wkoll tinvestiġa liema mezzi tax-xandir ippubblikawhom u jittieħdu passi xierqa kontrihom.

Intant, l-avukat Marion Camilleri, li qed tidher għal Yorgen Fenech, talbet lill-Qorti biex taħtar espert bil-għan li jeżamina s-saħħa mentali ta’ Melvin Theuma, wara li x-xahar li għadda nstab f’għadira demm f’daru stess wara li pprova jweġġa’ lilu nnifsu b’daqqiet ta’ sikkina. Theuma huwa x-xhud ewlieni f’dan il-każ hekk kif ingħata l-proklama sabiex jgħid il-verità kollha. Il-Maġistrat Montebello qalet li wara s-seduta tal-lum se tkun qed tiddeċiedi fuq it-talba tad-difiża.

Fl-istess seduta, xehed il-Kaptan Logan Wood li jieħu ħsieb l-opri tal-baħar Ġio u Ġio 2 tal-kumpanija Tumas Group. Huwa qal li ilu jaħdem ma’ Tumas Group madwar 11-il sena u spjega kif kien jaf bil-vjaġġ tal-19 ta’ Novembru li għadda lejn Sqallija, minn xi xahar qabel. Il-Kaptan Logan qal li hu u Yorgen Fenech ftehmu li jitilqu l-ewwel ħaġa filgħodu, xi ħaġa li qal kienet normali li ssir. Qal li f’temp ta’ bejn ħamsa u għaxar minuti wara li bdew jitbegħdu minn Portomaso, beda jara s-sireni u waqqaf id-dgħajsa mill-ewwel. Fuq id-dgħajsa telgħu bejn sitta u tmien persuni armati fil-presenża tal-Forzi Armati. Qal li staqsiehom x’kien qed jiġri waqt li bdew tfittxija fuq id-dgħajsa iżda ma kellux tweġiba.

Fis-seduta li jmiss mistenni jixhed it-tabib Adrian Vella, li f’Novembru li għadda kien arrestat għal xi ħin fuq suspett li kien qed jgħaddi messaġġi bejn Yorgen Fenech u l-eks Ċhief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Keith Schembri. Id-difiża ta’ Yorgen Fenech talbet ukoll li jixhed Johann Cremona fis-seduta li jmiss, bil-Maġistrat Rachel Montebello tgħid li s-Sur Cremona ikun jista’ jittella’ jixhed ladarba t-traskrizzjonijiet tar-recordings ikunu lesti ħalli jkun jistaż jwieġeb dwarhom. Johann Cremona kien sieħeb fin-negozju ma’ Yorgen Fenech u ssemma’ wkoll fix-xhieda ta’ Melvin Theuma.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar