Kurżitajiet
Il-maħras li kien iħares lill-Maltin mill-għadu

Bejn ta’ Wignacourt, ta’ De Redin u ta’ Lascaris, fis-seklu sbatax inbnew b’kollox 29 torri biex iħarsu l-gżejjer Maltin. Qabel l-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann kien hawn xort oħra ta’ postijiet mnejn issir għassa tal-kosta biex jħarsu l-gżejjer Maltin mill-attakki tal-għadu. Kienu jissejħu: MAĦRAS, u nbnew fis-seklu 14 jew fis-seklu 15.

Sa fejn hu magħruf jeżisti eżempju wieħed biss ta’ maħras – binja li fil-medjuevu kienet isservi għall-għassa. Din tinsab f’San Pawl il-Baħar. Meta fl-1610, il-Granmastru Alof de Wignacourt bena torri li ħa ismu, ma bniehx minflok il-maħras, bħalma aktarx ġara fil-bini ta’ torrijiet oħrajn. Bnieh aktar ‘il bogħod.

Stanley Farrugia Randon, Uffiċjal ta’ Din l-Art Ħelwa qal “ma kienx l-iskop tiegħu li jiġi armat bil-kanuni biex jiddefendi lill-gżira imma l-iskop tiegħu biss kien biex iwassal messaġġ lill-poplu Malti, in-nies kienu l-maġġoranza tagħhom raħħala, li hemm xi flotta Ottomana qed tattakka lill-gżejjer Maltin biex almenu jkollhom il-ħin biex jarmaw ruħhom biex jiġġieldu kontrihom jew inkella biex jaħarbu.”

Stanley Farrugia Randon, uffiċċjal tal-għaqda Din l-Art Ħelwa, spjega li l-għassiesa fil-maħras kienu jużaw in-nar biex jwasslu messaġġ li qed jilmħu l-periklu riesaq lejn il-kosta. Żied jgħid li dan il-messaġġ kien jinxtered ukoll bid-daqq tal-qniepen minn kappelli fil-viċin biex in-nies ikunu avżati.

Il-maħras f’San Pawl il-Baħar huwa magħruf bħala Ta’ Tabibu u x’aktarx ħa ismu minn xi sid li fil-passat akkwistah u trasformah f’razzett. Dan il-maħras partikulari hu magħruf ukoll bħala t-Torri tad-Dejma għax kienu jkunu voluntiera Maltin membri tad-Dejma li kienu jagħmlu l-għassa minnu dak iż-żmien u jiddefendu l-ġżejjer Maltin.

“Hawn slaleb tad-Dejma li ħafna drabi kienu jkunu mibnija viċin kappella. Il-kappella kienet tiġi avżata li hemm xi ottomani li qegħdin iħebbu għal pajjiżna, il-kappella kienet iddoqq il-qanpiena u xi suldati kienu jkunu lesti jinġemgħu madwar is-salib tad-dejma biex setgħu jiddefendu lill-pajjiż”

Sallum il-binja li tinsab f’idejn il-privat għadha ntatta iżda teħtieġ tiġi restawrata.

Kelliem għall-Awtorità tal-Ippjanar qal lil Television Malta li l-binja mhix skedata iżda billi għandha valur arkitettoniku u storiku ġiet inkluża f’inventarju biex tiġi protetta b’mod legali.

Iż-żona ta’ madwarha hi importanti mil-lat arkeoloġiku u ekoloġiku u ġiet skedata għall-importanza ekoloġika tagħha fit-tieni livell.