Il-Mail titlob skuża lil George Clooney dwar storja “ffabrikata”

George Clooney ngħata apoloġija minn Mail Online “għall-problemi li ħolqitlu” storja dwar iż-żwieġ tiegħu ma’ Amal Alamuddin.

L-apoloġija saret wara li ġie ppubblikat rapport jgħid li omm Alamuddin oġġezzjonat għaż-żwieġ tagħhom minħabba r-reliġjon.

L-istorja ppubblikata kmieni din il-ġimgħa, wasslet lil Clooney biex jakkuża lil Mail b’irresponsabbiltà.

“Naċċettaw l-assigurazzjoni ta’ Clooney li l-istorja mhix preċiża,” qalet stqarrija maħruġa minn the Mail Online.

“Neħħejna l-artiklu mill-websajt tagħna u se nkunu qegħdin nikkuntattjaw lir-rappreżentanti ta’ Clooeny biex niddiskuti miegħu u nagħtuh l-opportunità li jiċċara l-affarijiet.”

Kmieni din il-ġimgħa, il-Mail qalet li omm Alamuddin, Baria, xtaqet li bintha tiżżewweġ fi ħdan fergħa reliġjuża msejħa Druze li tħaddan fiha 700,000 membru, ħafna minnhom fil-Libanu, is-Sirja, l-Israel u l-Ġordan. It-twemmin tagħhom huwa msejjes fuq l-Islam iżda jħaddan fih elementi ta’ reliġjonijiet oħrajn.

Ir-rapport li kien ippubblikat online it-Tnejn u l-għada stampat fuq il-gazzetta b’verżjoni emendata, qal li persuni qrib tal-familja qalu li Baria Alamuddin qalet lil nofs Beirut li bintha tista’ tieħu lil xi ħadd aħjar.

Madankollu f’artiklu ppubblikat fil-USA Today, Clooney caħad li omm l-għarusa tiegħu kienet membru tal-komunità Druze u aċċerta lil kulħadd li mhi bl-ebda mod kontra dan iż-żwieġ.

Fl-istqarrija tagħha, Mail Online insistiet li l-istorja ma kinitx “ivvintata” iżda waslet għandhom minn sors u ġurnalista ta’ reputazzjoni.

“Hija bbażat l-istorja tagħha fuq konversazzjoni ma’ persuna li għandu konnessjonijiet b’saħħithom ma’ membri għolja tal-komunità Lebaniża fir-Renju Unit u fi Druze f’Beirut.”

“Sirna nafu bit-tħassib ta’ Clooney dalgħodu u mill-ewwel ftaħna investigazzjoni.”

MailOnline hija l-aktar website tal-aħbarijiet bl-Ingliż li tinqara fid-dinja fejn ikollha aktar minn 11-il miljun żjara kuljum.