Lokali
Il-Main Guard tal-Belt miftuħa għall-pubbliku għall-ewwel darba

Fi tmiem din il-ġimgħa, għall-ewwel darba l-pubbliku se jingħata l-opportunità li jżur il-binja tal-Main Guard, fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt. Bl-inizjattiva, Heritage Malta se turi fiex waslu xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni li saru mindu sentejn ilu din il-binja għaddiet f’idejn l-aġenzija. Fil-binja, jispikkaw fost oħrajn ‘il fuq minn 300 tpinġija mal-ħajt li saru minn membri tal-militar Ingliż u li jirriflettu mhux biss il-ħajja militari iżda wkoll il-ħajja soċjali ta’ dak iż-żmien, b’mod speċjali fil-Belt.

Tinsab faċċata tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt u tissejjaħ il-Main Guard għax għandha rabta mas-sigurtà tal-Palazz. Aktarx li l-Main Guard inbena lejn il-bidu tas-seklu 17 mill-Gran Mastru Wignacourt bħala l-kwartieri tal-għassiesa tal-Palazz tal-Gran Mastru. Għal aktar minn 350 sena, din il-binja baqgħet taqdi dan l-iskop.

Fi żmien l-Ingliżi, il-Main Guard iżżejjen b’mijiet ta’ kwadretti mal-ħitan. Fil-parti l-kbira dawn jinsabu f’dik li kienet l-Officers’ Mess, sala fejn is-suldati Ingliżi kienu jieklu u jistrieħu sakemm isirilhom il-ħin biex imorru jagħmlu l-għassa fil-Palazz. Fil-fatt, il-kwadretti tpittru mis-suldati bħala mezz ta’ mogħdija ta’ żmien. Ħafna minnhom nstabu fl-aħħar xhur waqt li kien għaddej xogħol ta’ konservazzjoni u restawr minn Heritage Malta. Anthony Spagnol, konservatur ta’ Heritage Malta, spjega li s-suġġetti tal-kwadretti jvarjaw.

“Hemm biċċiet minnhom li huma kollegati mal-ħajja tal-belt, oħrajn mal-aspett militari…għandna ħafna badges tal-militar…imbagħad oħrajn kienu meħudin jew mil-litografija antika…dawn ma kinux artisti famużi, imma kienu nies li kienu jafu jpittru…u kienet issir bħala passatemp.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li meta jitlesta x-xogħol fil-Main Guard il-post ser iservi wkoll bħala ċentru li jagħti togħma tas-siti kollha li Heritage Malta għandha fil-Belt u lil hinn.

“Se nagħmluha fi proġett sostenibbli, attrazzjoni kemm għat-turisti, kif ukoll għall-Maltin u l-Għawdxin. Fis-sular t’isfel, ħa jkollna display ta’ interpretazzjonijiet tas-siti u l-mużewijiet kollha ta’ Heritage Malta. Kif nitilgħu fis-sular ta’ fuq, ħa ninterpretaw dawn il-kwadretti meraviljużi li hawn warajja b’mod teknoloġiku, ħa nagħtuhom il-ħajja.”

Fix-xhur li gejjin, Heritage Malta se tkompli taħdem biex tikxef pitturi oħra li għadhom moħbija taħt saffi ta’ żebgħa. Heritage Malta se tiftaħ il-bibien tal-Main Guard għall-pubbliku mingħajr ħlas: is-Sibt li ġej sal-10 ta’ filgħaxija u l-Ħadd sal-4 ta’ wara nofsinhar.