Budget
Il-Malta Chamber of SMEs tilqa’ l-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar il-Gvern

Il-Malta Chamber of SMEs laqgħet il-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika li ħabbar il-Gvern u qalet li għandu jagħti l-għajnuna meħtieġa lill-intrapriżi u lill-ekonomija biex jerġgħu jibdew idawwru r-rota.

Fi stqarrija qalet li ħafna mit-talbiet li għamlet intlaqgħu b’mod partikolari it-tnaqqis fl-ispejjeż tal-operat tal-intrapriżi u li tingħata spinta lill-konsum  biex in-nies jitħajjru jonfqu fis-suq lokali.

Il-President tal-Malta Chamber of SMEs Paul Abela qal li mal-mument li n-negozji setgħu jerġgħu jiftħu, bdew jiżdiedu l-ispejjeż filwaqt li d-dħul kien kważi negliġibbli. Qal li l-kumpaniji ġew imwieżna fil-ħlas tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma u fil-kera tan-negozju u fl-ispejjeż fuq ir-riżorsi umani huwa kruċjali biex in-negozji ikampaw.

Żied jgħid li fuq nota negattiva, il-Malta Chamber of SMEs filwaqt li laqgħet l-għajnuna tal-Gvern fil-ħlas tal-kirjiet tan-negozji, hija tal-fehma li din l-għajnuna hija ftit wisq meta ħafna negozji baqgħu iħallsu kirjiet għoljin.