Għawdex
Il-Maltin bdew jibbukkjaw btala qasira f’Għawdex

Tliet ijiem wara li Għawdex reġa’ beda jilqa’ ‘l-Maltin u l-barranin, operaturi u nies li jaqilgħu l-għajxien mit-turiżmu qalu lil TVM li bdew jinħassu l-ewwel sinjali pożittivi.

Huma qalu li diversi Maltin diġà bbukkjaw btala qasira għal tmiem din il-ġimgħa, waqt li kollox jindika li jekk il-pandemija tibqa’ mrażżna, is-sajf li ġej se jkun wieħed pjuttost tajjeb għas-settur tal-akkomodazzjoni u r-ristoranti.

Wara xahrejn bl-ivvjaġġar bejn il-gżejjer limitat biss għal raġunijiet essenzjali u għal min għandu proprjetà f’Għawdex; mat-tneħħija tar-restrizzjonijiet, mit-Tnejn li għadda bdiet tinħass ċaqlieqa, l-aktar fl-ammont ta’ Maltin li telgħu Għawdex għal ġurnata. Sinjal ta’ hekk kienet l-attività fuq il-vapuri tal-Gozo Channel, li llum ħabbret li mill-ġimgħa d-dieħla se tibda taħdem bl-iskeda tas-sajf.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex, Joe Muscat, qal li d-differenza bdiet tinħass mill-ewwel, speċjalment bil-preżenza tal-Maltin.

“L-istabbilimenti tagħna, kemm dawk tal-akkomodazzjoni u wkoll dawk tal-catering, diġà bdew jaraw differenza. Differenza mill-fatt li ħafna minnhom kienu magħluqa għax kien hemm dir-restrizzjoni, imma issa jidher li hemm domanda. Hemm domanda mis-suq lokali li qiegħed jibbukja fl-akkomodazzjoni tagħna, anke għall-weekend li ġej u gradwalment qed inħossu li dan jawgura għal sajf li se jkun sajf, ovvjament mhux se jkun bħas-soltu, però jidher li se jkun sajf li l-istabbilimenti tagħna se jkunu mħabbtin mhux ħażin.”

Is-Sur Muscat qal li l-assoċjazzjoni kienet sorpriża li r-Renju Unit ħalla lil Malta barra mil-lista l-ħadra biex ma jkunx hemm restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imma sostna li l-fatt li l-Ġermanja daħħlet lil Malta f’din il-lista diġa ħalliet effett u bdew deħlin talbiet mis-suq Ġermaniż għall-btajjel f’Għawdex.

“Is-suq barrani jiddependi minn ħafna ċirkostanzi, però d-domanda mill-Ewropa qegħda hemmhekk. Illum l-istabbilimenti tagħna qed jgħidulna li ħafna mix-xogħol tagħhom bħalissa huwa li jirrispondu għar-requests li qed ikollhom. Nisperaw allura li dawn ir-requests ma jibqgħux iktar talbiet imma finalment jiżviluppaw f’bookings.”

Wera t-tama li ma jkunx hemm ħtieġa li jerġgħu jiddaħħlu miżuri kif ġara s-sajf tas-sena l-oħra. Qal li b’ħafna nies imlaqqmin u b’sens ta’ attenzjoni u kawtela jemmen li s-settur turistiku jista’ jibqa’ għaddej.

Operatur ta’ lukanda u ristorant qal li meta Għawdex kien magħluq għall-ivvjaġġar, l-isfidi għalihom kienu kbar ħafna.

Albert Camilleri qal “kien żmien diffiċli kemm minħabba l-akkomodazzjoni u wkoll biex irnexxielna nżommu l-impjegati kollha magħna. Għalina l-impjegati huma asset. Dejjem żammejna f’moħħna li importanti li meta niftħu jkunu magħna, allura kien ta’ sfida għalina biex żammejna l-impjegati kollha u komplejna n-negozju f’dak l-ambitu magħluq li kien hawn Għawdex.”

Is-Sur Camilleri ikkonferma li deħlin bookings għas-sajf li ġej u għalhekk jidher li se jkun sajf mhux ħażin, kemm mill-barranin u wkoll mill-Maltin li qal jiffurmaw parti essenzjali mit-turiżmu f’Għawdex.