Lokali
Il-Maltin fi Brussell: kif qed ikampaw mal-Covid-19?

Il-Belġju hu wieħed mill-iktar pajjiżi milquta mill-Covid, tant li l-Ministru tas-Saħħa Belġjan qal li pajjiżu riesaq lejn “tsunami” ta’ każi ġodda. Fl-aħħar ġimgħa, il-medja ta’ każi kuljum fil-Belġju telgħet għal 9,000 mentri sa tliet ġimgħat ilu il-medja ta’ każi kuljum kienet 500. Dan rabat idejn l-awtoritajiet biex jerġgħu jimponu miżuri għall-erba’ ġimgħat li ġejjin.

Ħafna mill-Maltin li jgħixu f’din il-belt minħabba xogħolhom fl-istituzzjonijiet Ewropej intalqtu mill-miżuri mposti mill-Gvern Belġjan, tant li f’intervista ma’ TVM l-Ambaxxatur għall-Malta fil-Belġju u l-Lussemburgu Ray Azzopardi qal li tul il-pandemija, l-ambaxxata kellha ħafna talbiet għal ripatrijazzjoni. Dan hekk kif il-Belġju jservi ta’ pont meta ħafna ajruporti waqfu t-titjiriet lejn Malta, u kellha rwol biex mediċini u apparat ġie trasportat lejn Malta.

“L-ambaxxata assistiet Maltin li għamlu mistoqsijiet dwar il-pandemija, u dwar dak kollu li jista’ jsir, jekk jixtiequ jżuru lil qrabathom, jekk jistgħux jivjaġġaw, jekk jistgħux jagħmlu ċertu ħtiġijiet biex ikollhom jivjaġġaw.”

L-ambaxxatur qal li s’issa ma kellu l-ebda talba biex jassisti Maltin minħabba raġunijiet ta’ saħħa/ Is-Sur Azzopardi qal li meta Maltin li jgħixu l-Belġju jżuru Malta, iridu jqattgħu ġimgħatejn fi kwarantina ladarba jirritornaw fil-Belġju, minħabba li Malta hija mniżżla fil-lista l-ħamra.

Ray Attard jaħdem fi Brussell stqarr sens ta’ dieqa li bir-realtà kif inhi, ma setax juża il-biljett tal-ajru li kien xtara biex jiġi jara lin-neputi f’għeluq sninu.

“Għandi l-familja Malta – ommi, tfal, neputaijiet u ssibha diffiċli. Moħħok taħseb li tkun li sejjer imma ma tistax. Min għandu il-birthday, min ma jiflaħx, ma tistax taqbad u tmur ghax billi qegħdin red zone ma taghmilx sens li tmur.”

Brussell, fejn li kienet iċċaqlaqna meta kellna lockdown kienet mejta. La kont tara vetturi jew ħwienet miftuħin. Biex tmur f’ħanut kont tingħata permess ta’ nofs siegħa u persuna waħdu seta jmur, ma setgħux imorru 2 persuni.

Ray Attard  li huwa ċittadin Malti jgħix fi Brussel qal li bil-Covid-19, wieħed iħossu li m’għadux qisu bniedem liberu. Qal li jekk tinżel fil-pjazez tara ftit li xejn nies.

Keith Caruana li jaħdem fir-rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea qal li kellhom jiddaħħlu l-miżuri iebsin biex ikun hemm iktar dixxiplina fost in-nies.

“Ir-restrizzjonijiet kellhom jiżdiedu għax in-nies ma bdewx jieħdu il-prekawzjonijiet biżżejjed. Issa jidher li kulħadd qed jerġa’ jiġi konxju, qed jerġgħu jittieħdu il-prekawzjonijiet.”

Filwaqt li Brussell kważi tilfet kull kulur, jispikkaw serbut tfal tal-iskola mixjin wara xulxin, hekk kif is-settur edukattiv baqa għaddej bil-ħarsien tal-prekawzjonijiet meħtieġa.