Il-Maltin fil-Gwatemala – flok tlieta jibnu sebgħa

Għal ħafna żgħażagħ, is-Sajf qed iservi ta’ żmien biex jużaw ħin sostanzjali mill-btajjel tagħhom għall-volontarjat, mhux biss b’ħidmiet f’Malta iżda wkoll f’pajjiżi mbegħda, kif għamlu grupp ta’ żgħażagħ li qattgħu xahar il-Gwatemala.

Fil-fatt kien sajf differenti għal grupp ta’ għaxar żgħażagħ, il-maġġoranza Melliħin, taħt il-gwida ta’ Fr Mario Dimech. Huma ġabru ħwejjeġ u ġugarelli fost oġġetti oħra, kif ukoll fondi biex jinbnew djar għal familji fqar fil-Gwatemala.

It-tir kien li jibnu tlett idjar iżda bil-ġenerożità tal-Melliħin inġabru biżżejjed fondi għall-bini ta’ sebat idjar li komplew jibnu gruppi oħra ta’ żgħażagħ Maltin li marru jkomplu x-xogħol volontajru f’parroċċa f’Izabal li jmexxi l-missjunarju Għawdxi, Fr Anton Grech.

Iż-żgħażagħ iddeskrivew in-nies tal-post bħala dħulin u li japprezzaw ħafna, il-ftit li persuna tagħmel magħhom.

Claire Vella spjegat kif waħda mid-djar li bnew huma, fiha jgħixu familja kbira ġo dar tal-injam, u eżatt ma’ ġenbha hemm villa kbira. “Qegħdin eżatt ħdejn xulxin. Jiġifieri dak hu l-kruha tal-faqar hemmhekk.”

Ġurnata tipika kienet tikkonsisti fl-għajnuna lil bennej lokali fil-bini tad-djar. Filgħaxija kienu jattendu għall-quddies fil-paroċċa Stella Maris. Żaru wkoll irħula oħra fil-foresti, ma’ Fr Anton.

Matthew Borg  spjega li Fr Anton kien iqaddes il-quddies hemmhekk, li kienet tkun darba fix-xahar f’dawn il-villaġġi. “Imbagħad aħna konna nilgħabu mat-tfal u nqassmu xi ħelu, xi ħwejjeġ, xi soft toys.”

Kemm damu fil-Gwatemala bejn Lulju u Awwissu, huma għenu wkoll fil-manutenzjoni tas-sala taċ-ċentru parrokkjali, fil-bini ta’ maħżen biswit iċ-ċentru parrokkjali u għamlu għotja għal bini ta’ skola u knisja f’wieħed mill-irħula fil-foresta fejn l-edukazzjoni u s-servizzi tas-saħħa għadhom lura ħafna. Dwar dan Danielle Cuschieri
qalet hekk: “Mhux kulħadd jista’ jmur u mhux kulħadd huwa obbligat li jmur. Fr Anton, f’ċertu rħula, mhux fejn konna aħna, kien bena skola, biex kemm jista’ jkun irawwem lit-tfal imorru aktar l-iskola.”

Iż-żgħażagħ qalu li kien ilhom is-snin li jixtiequ jagħmlu din l-esperjenza li qalu mhu se jinsewha qatt, bħala waħda li tathom sodisfazzjon kbir għax għamlu d-differenza fil-ħajja ta’ ħaddieħor.