Il-Maltin fost l-iktar Ewropej stressati

L-Erbgħa ta’ Novembru huwa l-jum iddedikat lil għarfien dwar l-istress, propju għalhekk ‘Popolin’ għażel li jiddiskuti l-istress u l-effetti li jħalli fuq l-individwu. Lkoll nafu li l-ħajja mgħaġġla ta’ llum toħloq ammont ta’ stress fuq ħafna minna. Il-Bilanċ bejn ix-xogħol, il-familja, d-divertiment u l-ħajja personali qiegħed jintlaħaq?

Ir-riċerka tindika li wieħed minn kull ħames Ewropej iħossu stressat minħabba x-xogħol. Il-Pollakki huma meqjusa bħala l-iktar poplu stressat, filwaqt dawk meqjusa bħala l-inqas stressati huma l-Olandiżi u l-iSvizzeri. Stħarriġ mill-kumpanija MISCO, li sar matul dawn l-aħħar xhur fost ħames mija u ħamsa u sittin ħaddiem, indika li tnejn minn kull tliet ħaddiema F’Malta ibatu minn kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali fuq ix-xogħol. Terz tal-ħaddiema identifikati ġejjien mis-settur pubbliku, prinċipalment mill-oqsma tal-amministrazzjoni, d-difiża, l-edukazzjoni u s-saħħa.

Janice Sargent minn Richmond Foundation spjegat li fil-preżent l-ikbar kontributur tal-istress hija l-pandemija tal-Covid19. Il-Biża’ li taqbdek din il-marda u r-restrizzjonijiet imposti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa fosthom il-fatt li ħafna persuni ma jistgħux joħorġu b’mod liberu kif stajna nagħmlu qabel, qed iwassal biex ċertu persuni jħossuhom stressati.

Fatturi għall-kundizzjonijiet mentali

Emma Saliba, tabiba li qed tispeċċjalizata fil-psikjatrija (Higher Specialist Trainee) stqarret li anke qabel il-pandemija kien hemm diversi fatturi għaliex ammont sostanzjali ta’ persuni kellhom kundizzjonijiet mentali kawżati minn stress kemm soċjali kif ukoll bioloġiku. Saliba spjegat li l-indikaturi prinċipali għal stress li jaċċedi dak li hu fin-norma, huma meta l-persuna ma tkunx tista’ tiffunzjona kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll soċjalment mal-familjari jew ħbieb. Ħafna drabi dawn l-individwi jkollhom livell ta’ ansjetà  jew depressjoni li twassal biex jingħalqu fihom infushom tant li la ma jmorrux għax-xogħol u lanqas joħorġu mid-dar. Hija tenniet li l-istatistiċi indikati huma inkwetanti u hemm bżonn li jittieħdu azzjonijiet tanġibbli biex kemm jista’ jkun, ikun hemm prevenzjoni tal-problemi ta’ saħħa mentali u fil-każ li jinstabu dawn il-kundizzjonijiet jiġu identifikati u trattati malajr kemm jista’ jkun. Sfortunatament kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali li ma jiġux identifikati jew trattati jistgħu jwasslu l-persuna biex tieħu deċiżjonijiet drastiċi.

X’jista’ jsir biex jiġi kontrollat l-istress u jiġu evitati kundizzjonijiet mentali?

Emma Saliba enfasizzat l-importanza li nużaw terminoloġija adegwata; “l-istress mhux neċessarjament iwassal għad-depressjoni, stress eċċessiv jista’ jkun ta’ ħsara u iva jista’ jwassal għal ċertu kundizzjonijiet mentali, imma ma jfissirx li kull tip ta’ stress huwa tarġa l-bogħod mid-depressjoni”. Żiedet tgħid li l-mediċina ma għandiex tkun l-ewwel soluzzjoni li tingħata, huwa importanti li l-individwu l-ewwel jipprova jiftaħ qalbu ma persuni tal-fiduċja tiegħu, wara hemm ukoll il-possibilità li tintuża t-terapija.

Mistoqsija mill-preżentatur x’jagħmel persuna iktar reżiljenti minn oħra, Sargent spjegat li l-kontroll li jkollu bniedem jvarja minn persuna għall-oħra, biss kull persuna tiġi preżentata b’sitwazzjonijiet differenti li jikkundizzjonaw jew jgħallmu l-persuna tikber. Kompliet tgħid li ċertu stress fil-ħajja tal-bniedem huwa mistenni u naturali; “issa li hawn iżjed għarfien fuq is-suġġett tas-saħħa mentali din il-problema fis-soċjetà qed toħroġ iktar fil-wiċċ”.

Ftit miżuri li jgħinu biex dak li jkun iżomm il-bogħod minn kundizzjonijiet mentali huma; eżerċizzju tal-inqas tliet darbiet fil-ġimgħa, dieta bilanċjata u raqda kompluta ta’ bejn sitt u tmien siegħat.