Lokali
Il-Maltin huma l-aktar ottimisti fl-UE li l-qagħda ekonomika se titjieb

Il-Maltin huma l-aktar ottimisti fl-Unjoni Ewropea li fi żmien sena oħra l-ekonomija se tkun f’qagħda aħjar. Dan joħroġ minn stħarriġ tal-Parlament Ewropew li juri wkoll kif il-Maltin huma l-ħames l-aktar li qed ibassru li l-kundizzjonijiet t’għajxien personali tagħhom se jitjiebu. Skont l-istħarriġ, il-Maltin huma t-tieni l-aktar ottimisti dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea wara l-Irlandiżi.

42% tal-Maltin jemmnu li fi żmien sena oħra l-ekonomija Maltija se tkun aħjar waqt li 21 fil-mija jaħsbu li se tkun agħar.

Skont stħarriġ ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew li sar fost ftit iktar minn 27,000 ċittadin tal-Unjoni Ewropea fosthom ftit inqas minn 600 Malti u Maltija bejn Novembru u Diċembru li għadda, il-Maltin huma l-aktar ottimisti dwar is-sitwazzjoni ekonomika.

Il-kumplament tal-Ewropej intervistati huma aktar xettiċi tant li 21% tal-persuni jaħsbu li l-ekonomiji ta’ pajjiżhom se jkunu aħjar waqt li 53 fil-mija qalu li se tkun agħar.

Fir-rigward ta’ x’qed jistennew personalment, il-Maltin huma aktar ottimisti mill-kumplament taċ-ċittadini Ewropej. Dan għaliex meta mistoqsija jekk il-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom hux se titjieb fi żmien sena oħra, 26% tal-Maltin intervistati qalu li se jkunu aħjar u 11 fil-mija wieġbu li se jkunu agħar. Il-medja fl-Unjoni Ewropea hi li 21% jbassru li se jkunu qed jgħixu aħjar u 24% agħar.

Simili għall-kumplament tal-Ewropej, nofs il-Maltin intervistati jridu li l-ġlieda kontra l-faqar u l-inugwaljanzi soċjali tkun priorità ewlenija tal-Parlament Ewropew. Iż-żewġ prioritajiet l-oħrajn għall-Maltin huma relatati mal-miżuri għall-ħarsien tal-ambjent u għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata.

Wara l-Irlandiżi, il-Maltin huma l-aktar ottimisti dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea u l-Maltin huma wkoll fost l-aktar ċittadini li jemmnu li pajjiżhom gawda bħala membru fl-Unjoni. Ir-raġunijiet ewlenin li wasslu biex il-Maltin jaħsbu hekk huma l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea għat-tkabbir ekonomiku u għall-opportunitajiet ġodda ta’ xogħol li toffri.