Lokali
Il-Maltin iħossuhom siguri jattendu appuntament mediku iżda mhux daqstant li jsiefru

Il-konsumaturi Maltin iħossuhom siguri l-iżjed imorru għal appuntament mediku, waqt li huma inqas komdi jsiefru, kemm b’ajruplan u anke għal btala fuq cruise liner.

Dan jirriżulta minn stħarriġ ta’ EY Malta li sar fl-aħħar xahar u wera li l-konsumaturi huma iżjed pożittivi dwar il-qagħda finanzjarja tagħhom fil-ġejjieni. Madankollu b’mod ġenerali l-parteċipanti esprimew li għandhom iktar ansjetà meta mqabbel mal-aħħar stħarriġ li sar f’Novembru li għadda.

Stħarriġ ta’ EY Malta wera li l-pandemija qed taffettwa l-mod kif in-nies saru jħarsu lejn ħajjithom. Jirriżulta li wieħed minn kull ħames persuni intervistati wieġbu li biddlu l-valuri u l-perċezzjoni tagħhom fuq il-ħajja. Ħareġ li 16 fil-mija qalu li l-fokus tagħhom fuq il-valur tal-flus se jinbidel. 4 fil-mija biss tal-parteċipanti qalu li huma mħassba dwar l-impjieg tagħhom u 8 fil-mija biss jemmnu li se jkunu finanzjarjament agħar is-sena d-dieħla.

28 fil-mija tal-parteċipanti qalu li l-pandemija se tieqaf taffettwalhom ħajjithom meta ħafna mill-popolazzjoni titlaqqam; 20 fil-mija qalu meta l-persuni vulnerabbli jieħdu t-tilqima; 21 fil-mija meta l-qraba u l-ħbieb tagħhom jieħdu t-tilqima, 21 fil-mija meta jieħdu t-tilqima huma stess u 10 fil-mija qalu li l-pandemija tal-covid 19 m’għadhiex tħalli impatt sinifikanti fuq ħajjithom.

L-istħarriġ sar fost 1,033 parteċipant bil-għan li jara l-livell tal-fiduċja tal-konsumaturi u kif qed iħarsu lejn il-ġejjieni. Il-parteċipanti ġew mistħarrġa bejn ix-xahar li għadda u l-bidu ta’ dan ix-xahar u l-istħarriġ isegwi ieħor li kien sar f’Novembru li għadda. Jirriżulta li min-Novembru li għadda sal-lum, il-konsumaturi jidhru iżjed pożittivi fuq il-qagħda finanzjarja tagħhom u l-infieq li se jagħmlu fil-ġejjieni. Madankollu b’mod ġenerali żdied il-livell t’ansjeta’ fost il-parteċipanti.

”Kien hemm l-iktar element kbir, l-iktar element qawwi fejn in-nies huma anzjużi fejn huma konċernati fuq il-mod ta’ kif għandhom iġibu ruħhom. Jiġifieri jekk tara kemm in-nies huma komdi jmorru x-xogħol huwa l-iktar baxx li qatt kien kemm ilna nagħmlu dan l-eżerċizzju… Tistenniha minħabba d-dinamika ta’ x’ġara fl-aħħar xahar. Pero’ hemm affarijiet pożittivi wkoll li ħarġu mill-istudju fejn per eżempju kif in-nies iħossuhom li se tkun is-sitwazzjoni mil-lum għal sena oħra, in-nies hemm tendenza jkunu iktar pożittivi.”

Mistoqsija x’iħossuhom komdi jagħmlu issa u fix-xhur li ġejjin, mill-istħarriġ jirriżulta li l-konsumaturi f’Malta l-iktar li jħossuhom siguri hu li jmorru għal appuntament mediku, u t-tieni l-iktar wieġbu li jħossuhom siguri jmorru jixtru minn ħanut tal-merċa. Fl-istess livell, il-konsumaturi Maltin iħossuhom komdi jmorru għand hairdresser, salon jew spa/ L-istħarriġ wera li l-konsumaturi għadhom kemmxejn beżgħana li jmorru f’teatru jew ċinema, u wkoll li jivvjaġġaw kemm fuq ajruplan u wkoll fuq cruise liner.

Mistoqsija kemm jaħsbu li ċertu oqsma se jerġgħu lura għal li kienu qabel il-pandemija, l-iktar li jinsabu kunfidenti hu fl-istabbilita’ finanzjarja tagħhom, segwiti mill-mod kif jivvjaġġaw għax-xogħol, waqt li l-inqas li huma kunfidenti huma li l-ħajja soċjali terġa lura għal li kienet u li jerġgħu jivvjaġġaw għall-btajjel kif kienu qabel.

Għal darb’oħra dan l-istħarriġ reġa’ wera l-importanza tat-teknoloġija fuq il-konsumaturi hekk kif 29 fil-mija qalu li l-mod li bih jużaw it-teknoloġija se jinbidel għal żmien fit-tul.