Saħħa
Il-Maltin it-tieni l-iktar li jixorbu luminati fl-UE

Il-Maltin huma t-tieni l-iktar poplu fl-UE li jikkonsma ‘soft drinks’ bil-Belġjani biss jixorbu aktar luminati biz-zokkor minna.

Dan joħroġ minn statistika ppubblikat issa mill-Eurostat li ġiet maħduma fuq informazzjoni miġbura fl-2019.

L-istħarriġ juri li 9% ta’ dawk li kellhom 15-il sena jew aktar qalu li jixorbu ‘soft drinks’ kuljum, 6% jixorbu l-luminati bejn erbgħa u sitt darbiet fil-ġimgħa waqt li 19% jixorbu s-‘soft drinks’ bejn darba u tliet darbiet fil-ġimgħa.

Il-Belġjani kienu l-iktar li xorbu ‘soft drinks’ b’20% jgħidu li jagħmlu dan kuljum. Warajhom ġew il-Maltin, il-Ġermaniżi, l-Ungeriżi, il-Pollakki u l-Bulgari b’madwar 12%.

L-Estonjani kienu l-inqas li xorbu ‘soft drinks’ kuljum, bi 2% biss jagħmlu dan, segwiti mil-Litwani, il-Finlandiżi, il-Latvjani u r-Rumeni bi 3%.

B’mod ġenerali n-nisa xorbu iktar luminati mill-irġiel bi 12% jagħmlu dan kuljum kontra s-7% tal-irġiel.

Mil-lat ta’ etajiet l-iktar li xorbu ‘soft drinks’ kienu dawk bejn 15 u 24 sena, b’14%, waqt li l-inqas kienu dawk li għandhom 75 sena jew aktar b’5% biss jixorbu luminati ta’ kuljum.