COVID-19
Il-Maltin jaraw lill-Unjoni Ewropea bħala parti mis-soluzzjoni tal-pandemija tal-Coronavirus

Il-Maltin huma l-aktar li jaraw lill-Unjoni Ewropea bħala parti mis-soluzzjoni tal-pandemija tal-Coronavirus.

Fit-tielet stħarriġ li l-Parlament Ewropew ikkummissjona fi żmien il-pandemija, 87% tal-Maltin intervistati bejn l-aħħar ta’ Settembru u l-bidu t’Ottubru qalu li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha aktar kompetenzi biex tindirizza kriżijiet bħal pandemija tal-COVID waqt li l-medja fl-Unjoni hija ta’ 66%.

Fl-istħarriġ, kważi sebgħa minn kull għaxar Maltin intervistati qalu li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha aktar mezzi finanzjarji biex jingħelbu l-konsegwenzi tal-pandemija.

Waqt li 69% tal-Maltin intervistati qalu li l-Unjoni Ewropea għandu jkollha budget akbar biex tindirizza l-isfidi li ġabet l-imxija tal-COVID, il-medja fl-Unjoni Ewropea hija ta’ 54%. B’31%, id-Daniżi l-inqas li jaqblu ma’ dan.

57% taċ-Ċiprijotti qalu li l-kriżi attwali diġà qed ikollha impatt negattiv fuq id-dħul personali tagħhom. Il-Griegi huma t-tieni l-aktar li l-pandemija qed taffettwalhom il-but waqt li 43% tal-Maltin qalu li l-kriżi qed tħallilhom inqas flus. Il-medja fl-Unjoni Ewropea hjia ta’ 39%.

Fl-istess stħarriġ, kważi tmienja minn kull għaxar Maltin, simili ħafna għall-medja fl-Unjoni Ewropea, jappoġġaw il-kunċett li l-Unjoni għandha tipprovdi biss fondi lill-Istati Membri bil-kundizzjoni li l-gvern nazzjonali jimplimenta l-istat tad-dritt u l-prinċipji demokratiċi.