Lokali
Il-Maltin jerħulha lejn Għawdex – mijiet isegwu t-tiġrijiet taż-żwiemel

Waqt li Għawdex f’dawn il-jiem jinsab imballat bil-viżitaturi l-aktar minn Malta, il-festa ta’ Santa Marija hija mmarkata b’bosta attivitajiet uħud b’laqta tradizzjonali u oħrajn ta’ xeħta kulturali fosthom iċ-Ċittadella Art Festival. Waħda mill-eqdem tradizzjoni hija t-tiġrijiet tal-bhejjem fir-Rabat li minkejja kontroversja dwarhom għax isiru fl-eqqel tax-xemx, għadhom jattiraw bosta dilletanti saħansitra sidien taż-żwiemel minn Malta.

B’diżappunt għal difensuri tal-annimali, fir-Rabat Għawdex, fl-eqqel tax-xemx ta’ waranofsinhar, reġgħu saru t-tiġrijiet taż-żwiemel bejn it-tlieta u s-sitta ta’ filgħaxija għax wara kollox m’humiex marbuta bir-regolamenti li ħarġu xahar ilu għaż-żwiemel tal-karozzini biex ma jagħmlux vjaġġi fl-eqqel tax-xemx.

Is-sejħiet tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, il-Maġistrat Dennis Montebello, biex dawn it-tiġrijiet jieqfu darba għal dejjem ġew injorati.

Dawn it-tiġrijiet taż-żwiemel tradizzjonali f’jum Santa Marija ilhom isiru għal diversi snin. Fl-aħħar jiem iżda nqalgħet kontroversja dwar jekk dawn it-tiġrijiet għandhomx isiru waranofsinhar jew le

L-attivisti favur l-annimali jqisu dawn it-tiġrijiet bħala moħqrija għall-annimal kemm minħabba s-sħana kif ukoll għax isiru fit-triq li mhix maħsuba għall-ġiri taż-żwiemel.

Sakemm bdew it-tiġrijiet u bejn tiġrija u oħra, is-sidien taż-żwiemel dehru l-ħin kollu ituhom l-ilma biex jiffriskawhom waqt li żammewhom kemm setgħu għad-dell. Is-sidien, ħafna minnhom telgħu minn Malta huma akkaniti għal din it-tradizzjoni.

Sid ta’ żiemel qal “għalkemm hemm min jgħid li moħqrija, mhux moħqrija. Dan meta nieħdu ħsiebu sena kollha għala taqta din it-tiġrija tradizzjonali li ilha ssir s-snin”.

Is-Soċjetà Filarmonika Leone, li torganiżża dawn it-tiġrijiet tiddefendi din it-tradizzjoni bil-President l-Avukat Michael Caruana ma jara xejn ħażin fiha. “Tiġrija tieħu minuta u għoxrin sekonda massimu. Daqshekk idumu esposti għax-xemx. U għalhekk ma tistax wieħed jirrelata l-kwistjoni tal-karozzini mal-kwistjoni tat-tiġrijiet li ilhom isiru mill-1400.”

Wara xi inċident fl-imgħoddi dis-sena ttieħdu l-prekawzzjonijiet għal aktar sigurtà waqt it-tiġrijiet.

“Il-mod kif ġiet strutturata l-korsa għandek protezzjoni għan-nies u min-naħa l-oħra użajna dawn il-pannelli apposta biex anke jekk żiemel jaħbat ġo fihom ma jweġġax għax hija flexible u jimmolla fuqha” qal- Dr Caruana.

Fl-istess triq fil-ġonna ta’ Villa Rundle intant saret il-wirja tradizzjonali tal-biedja u s-snajja’ b’rabta mal-festa ta’ Santa Marija u tmur lura għall-1855. Fil-wirja kien hemm mijiet ta’ esebiti : minn għodda antika artiġjanali , sa prodotti li jvarjaw minn żrieragħ, pjanti, frott u ħxejjex; għal prodotti oħra pproċessati bħal għasel, ġobon, inbid, u ikel.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Sentenza sospiża għal Jordan Azzopardi wara li ammetta akkużi li rċieva apparat elettroniku misruq b’valur ta’ €32,000 bi tpartit mad-droga. Iż-żagħżugħ ta’ 30 sena madankollu għadu miżmum il-ħabs fuq proċeduri…

Kronaka

Inċident ieħor fi Triq l-Imġarr, Għajnsielem bejn 4 karozzi u mutur. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-15:45 bejn karozza tat-tip Nissan misjuqa minn raġel ta’ 45 sena minn Għajnsielem u mutur misjuq…

Kronaka

Raġel Malti ta’ 45 sena mill-Ħamrun tilef ħajtu wara li ħa xokk elettriku illum waranofsinhar f’maħżen tal-Karnival fil-Marsa. Il-Pulizija kienet infurmata bil-każ għall-ħabta tal-16:05 li seħħ f’xatt il-mollijiet. Fuq il-post…

Aktar